Pajjiżna għandu jibqa’ sigur għal kulħadd, kemm jekk inti Malti u kemm jekk int barrani. Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat ftit tas-sigħat wara li dwiet l-aħbar dwar l-arrest ta’ żewġ suldati b’rabta mal-omiċidju ta’ Lassana Souleymane fl-għomor ta’ 42 sena.
Dr Muscat saħaq li pajjiżna għandu jkun post sigur għal kulħadd.
“Lill-hinn minn hekk nemmen li dan kollu qed juri illi pajjiżna huwa sigur għal kulħadd u għandu jibqa’ sigur għal kulħadd, kemm jekk inti malti kemm jekk inti barrani.” qal Dr. Muscat
Permezz ta’ filmat mibgħut lill-kmamar tal-aħbarijiet il-Prim ministru laqa’ ħidmet il-Pulizija sabiex solviet dan il-każ u saħaq li dawn iż-żewġ persuni bl-ebda mod ma huma rappreżentanti tal-Forzi Armati.
Il-Prim Ministru stqarr, “Jien ċert li dawn il-persuni arrestati ma jirrappreżentawx lill-forzi armati ta’ malta li jien konvint li qed jagħmlu xogħol importanti u tajjeb ħafna għas-soċjetà tagħna”
Il-Prim Ministru qal wkoll li bħalissa għaddejja inkjesta interna sabix tiddetermina jekk dan kienx każ iżolat ta’ żewġ persuni jew inkella jekk jagħmilx parti minn xi ħaġa akbar.
Saħaq, “Xorta nemmen li hemm bżonn ta’ riflessjoni dwar dak li ġara bħalissa fil-forzi armati għaddejja investigazzjoni interna flimkien mas-servizzi biex naraw dan il-każ hux limitat għal dawn iż-żewġ persuni jew hemmx ċirku akbar ta’ nies dwar dan kollu”
Il-Prim Ministru Muscat saħaq ukoll li kliem ta’ mibegħda u diviżjoni m’għadhomx post fis-soċjetà Maltija.
Ikkonkluda, “Dan huwa prova ulterjuri kemm il-kliem tal-firda u ta’ mibegħda mhux postu f’postna. Dan huwa wkoll sinjal b’saħħtu ħafna lil min ixerred dan il-kliem u fejn jista’ jwassal. Għalhekk irridu nsostnu għall-għaqda fost il-maltin u l-għaqda fost dawk kollha li jgħixu fostna.”