L-union tal-piloti l-ALPA, m’aċċetatx proposta tat-tmexxija tal-Air Malta għal laqgħa fil-wiħed u tletin ta’ Awwissu. L-ALPA qalet li din mhix aċċettabbli u hija ‘l bogħod wisq. Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis irreaġixxa u appella għal buon sens f’din il-kwistjoni.
Ħeġġeġ lill-piloti sabiex ikunu proporzjonati fl-imġiba tagħhom u ma jħallux il-pika u n-nuqqas ta’ għaqal iwasslu għal sitwazzjoni li tipperikola l-għixien tal-ħaddiema kollha tal-Air Malta u ta’ dawk li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu.
Fakkar li bħalissa għaddejjin taħdidiet sensittivi dwar il-futur tal-linja tal-ajru nazzjonali, il-Ministru Zammit Lewis u żied li l-ALPA għandha tifhem li għalxejn jattentaw jagħmlu aktar pressjoni fuq l-Air Malta u li huwa diżappuntat li minflok tikkollabora sabiex l-operat tal-linja tal-ajru nazzjonali jiġi salvagwardjat, qiegħda tinħela fuq battibekki inutli u li ma jwasslu mkien.
Filwaqt li l-Ministru jistenna li l-ALPA taċċetta l-istedina u tipparteċipa fil-laqgħa li se ssir fil-31 ta’ Awwissu – fejn jistgħu jingħataw dettalji konkreti – huwa tenna li l-piloti għandhom ikunu konxji li kwalunkwe azzjoni li tippreġudika lil-linja tal-ajru se twassal għal aktar deċiżjonijiet kummerċjali u legali iebsa min-naħa tal-linja tal-ajru.