Ir-retweet tal-Arċisqof, fejn il-Gvern Malti tqabbel mal-mafja, u t-tmexxija tal-midja tal-Knisja qed jiġbdu l-kundanna ta’ iktar membri tal-kleru. Fil-programm Arena, Dun Ġorg Dalli kellu kliem iebes, bir-rappreżentant tal-Kurja jiġġustifika u jispjega fi kliemu l-attitudni tal-Arċisqof.
Imprudenti. Żejda.
Hekk kienet deskritta r-retweet tal-Arċisqof, Charles Scicluna, fejn il-gvern Malti tqabbel mal-mafja.
Kien Dun Gorġ Dalli li fil-programm Arena tkellem b’mod ċar dwar l-aġir tal-Arċisqof meta xerred artiklu ta’ sit elettroniku li nħoloq biex jattakka l-gvern.
Imprudenti jista’ jkun imma miġnun le. Fl-opinjoni tiegħi xorta kien żejjed ħa nkun ċar u tond. Iġifieri m’hemmx tidwir mal-lewża. Meta int taf li qed f’kamra tan-nar bil-murtali ma tqabbadx sigarett.
Ir-rappreżentant tal-Kurja, Michael Pace Ross, insista li l-Arċisqof Scicluna ma riedx iqabbel il-gvern mal-mafja.
B’Dun Gorg Dalli jgħid li anke hu jemmen hekk, imma l-Arċisqof kellu joqgħod attent.
Nista nassigurak għax jiena nafu sew mill-qrib li ma riedx bl-ebda mod jassoċja lill-gvern mal-mafja. Dak nista’ ngħidulek jiena u nista’ nserraħ ras it-telespettaturi tagħna, sostna Michael Pace Ross.
Iżda, r-retweet tal-Arċisqof ma kinitx l-uniku azzjoni tal-Arċisqof li ġibdet il-kundanna.
It-tmexxija tal-midja tal-Knisja hija kwistjoni oħra li qed iġġib l-istmerrija ta’ bosta.
Joe Borg, qassis qrib il-Partit Nazzjonalista, bidel il-midja tal-Knisja f’estensjoni tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, b’Sylvana Debono, persuna qrib tiegħu ħafna, tara li dak li jrid hu jsir.
Saret referenza wkoll għal kitbiet ta’ Joe Borg, fejn fost oħrajn daħħal il-Puttinu f’kontroversja politika.
Biex daħħal il-Puttinu. Dan x’daħlu jagħmel. Biċċa xogħol bħal dik ta’ Malta kollha. Oxxenità meta ntgħażel il-bord tal-RTK u oxxenità kbira li għadu hemm. Qed ngħidha bħala qassis b’responsabbiltà kbira, qal Dun Ġorg Dalli.
Dun Ġorg Dalli, li għamel tnax-il sena fuq dan il-bord, ma qgħadx jomgħod kliemu.