Meta l-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza rappreżentanti tad-diversi pajjiżi fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, osserva li l-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali kienet mmarkata primarjament minn laqgħa ta’ livell għoli dwar il-moviment ta’ refuġjati u immigranti. Qal li r-riżultati ta’ din il-laqgħa se jixprunaw lid-diversi pajjiżi biex jaħdmu aktar u jindirizzaw il-moviment kbir ta’ nies.
Filwaqt li s-sena li għaddiet l-istess laqgħa kkunsidrat il-migrazzjoni f’livelli tal-kriżi, illum dan il-fenomenu sar normalità ġdida. Minkejja d-dibattiti diffiċli, id-diskussjonijiet, l-ostakli u opinjonijiet diverġenti, il-Prim Ministru Malti qal li huwa inkoraġġanti li tara kemm pajjiżi diversi sabu dak li verament jgħaqqadhom; ħsibijiet imsejsa fuq il-prinċipji l-aktar fundamentali bħal li jkunu salvati l-ħajjiet.
Madanakollu, kompla Joseph Muscat, mill-kliem jeħtieġu fatti. Ammetta li jinsab dubjuż li l-kliem artab se jwassal għal deċiżjonijiet iebsa, iżda wieħed jeħtieġ jingħata opportunità jagħmel tentattivi.
“Għandna bżonn biex jirrispondu għal din l-isfida, mhux bil-biża, mhux billi nagħlqu lilna nfusna fil-ħitan. Iżda b’tenaċità, b’konvinzjoni u sens ta’ kompassjoni. Dan huwa dak li jwassal biex pajjiżi jimbotta l-migrazzjoni fuq nett fl-aġenda” qal Muscat.
Spjega li flimkien ma’ msieħba Ewropej, u anke waħedha kultant, Malta ilha taħdem bla heda. Saru sforzi internazzjonali biex ikun indirizzat il-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin, permezz ta’ miżuri kontra ħidmet il-kriminali nvoluti f’dan is-settur. “Jeħtieġ li dawn l-isforzi jiżdiedu” wissa Muscat. Dan permezz tal-qsim ta’ informazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ titjib fil-politika nazzjonali, l-infurzar u penali aktar b’saħħithom fil-konfront ta’ min jagħmel kuntrabandu bin-nies.
Lil dawn tal-aħħar sejħilhom l-agħar tip ta’ kriminali, u qal li għandhom jiġu ttrattati bħala tali. Muscat qal li pajjiżi fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda għandhom jikkunsidraw serjament struttura fejn traffikanti ta’ persuni jitressqu quddiem tribunal internazzjonali. Dan iwassall il-messaġġ li wieħed ma jaqbillux jipprova jagħmel qligħ mit-traffikar tal-bnedmin.
Malta temmen li m’hemmx soluzzjoni waħda. Filwaqt li teħtieġ perspettiva globali, hemm bżonn ukoll koperazzjoni eqreb mal-pajjiżi ta’ oriġini, pajjiżi li minnhom jgħaddu immigranti u dawk meqjusa bħala destinazzjoni aħħarija. Dan kien punt diskuss ħafna waqt is-summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, li Malta kienet kburija tospita f’Novembru li għadda.
Il-Prim Ministru esprima sodisfazzjon u ħeġġa biex jara li l-ispirtu tal-Valletta Summit għadu ħaj, għall-inqas fil-kliem u l-intenzjonijiet.
Osserva li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani għandha impatt kbir fuq ir-reġjun tagħna u fuq id-dinja kollha. Esprima dispjaċir għall-fatt li m’hemmx soluzzjoni għall-proċess ta’ paċi fil- Lvant Nofsani. Bi kliem ta’ dieqa tkellem dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża filwaqt li qal li Malta tkompli ssostni l-leġittimità tal-Istat tal-Iżrael.
Bil-ħsieb ċar dwar id-drittijiet tal-Iżraeljani u l-Palestinjani, Malta tappoġja inizjattivi mmirati lejn taħdidiet ta’ paċi, u lejn sitwazzjoni ta’ żewġ stati.
Eqreb lejn pajjiżna, Malta kienet u se tkompli tappoġġja lit-Tuneżija lejn l-istabbiltà u d-demokrazija, minkejja jiffaċċjaw sfidi serji.
Il-Prim Minsitru qal li Malta tilqa’ wkoll l-adozzjoni reċenti ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tippermetti l-qerda ta’ armi kimiċi li jkunu preżenti fil-Libja. Hawn qal li l-popolazzjoni Libjana teħtieġ Gvern li jiffunzjona b’mod konkret u li jindirizza l-bżonnijiet bażiċi tal-poplu: aċċess xieraq għall-kura medika u għall-ikel, u edukazzjoni.
Din kienet sena ta’ atroċitajiet, atti terroristiċi kontra vittmi innoċenti; irġiel, nisa u tfal inqatlu waqt li kienu bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Kienet sena li rat żieda fit-tixrid ta’ kultura ta’ vjolenza u mewt. Malta temmen li n-Nazzjonijiet Magħquda huma ċentrali fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu.
Hekk kif pajjiżna qed jospita l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt, il-Prim Minsitru qal li jemmen li l-aktar mod effettiv kontra t-terroriżmu huwa billi tħeġġeġ il-kunċett ta’ stat tad-dritt u issaħħaħ il-ġudikatura fl-istati fejn din il-kultura ta’ terroriżmu qiegħda taqbad art.
Malta, stqarr il-Prim Ministru, qed tistenna bil-ħerqa li jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea matul l-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. Kif aħna qrib dan il-pass kbir fl-istorja politika tagħna, pajjiżna jkompli jikber b’suċċess fil-politika barranija. Pajjiżna qed ikompli jfittex li jintensifika l-involviment tiegħu f’reġjuni u pajjiżi lil hinn mill-ġirien tagħha, fejn hemm potenzjal għal aktar skambji.
Joseph Muscat qal li Malta tinsab impenjata fi djalogu u kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, ispirata mill-politika tagħha fit-tul, u mill-eks Prim Ministru Dom Mintoff. Ma jistax ikun hemm paċi u s-sigurtà fl-Ewropa mingħajr paċi u s-sigurtà fil-Mediterran. Fost l-ikbar sfidi hemm it-terroriżmu, l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni.
Malta ser tippromwovi wkoll it-trawwim ta’ sinerġiji aħjar bejn mekkaniżmi reġjonali tal-Mediterran – inkluż il-5 + 5, il-Union for the Mediterranean u l-Anna Lindh Foundation.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat temm jgħid li Malta se tkompli tagħti sehemha fi ħdan din in-Nazzjonijiet Magħquda. Se tkompli taħdem biex tavvanza inizjattivi eżistenti u trawwem oħrajn ġodda, għall-ġid komuni.