Il-qtil dejjem eżista f’kull pajjiż u f’kull rokna tad-dinja. Mhux inqas f’Malta. Fejn hemm il-bniedem, sfortunatament hemm in-nuqqas ta’ qbil u dan ġieli jispiċċa f’mumenti mdemmin.
Għalkemm il-kelma ‘omiċidju’ ġejja mil-Latin homicidium madankollu l-kelma dejjem kienet użata għall-qtil tal-bnedmin, irrespetivament mill-ġeneru tal-persuna. Il-kelma homo tfisser raġel u cide tfisser qtil.
Iż-żmien jgħaddi u jbiddel kollox inkluż il-vokabularju. Maż-żmien beda dieħel kliem ieħor biex jiddiskrivi omiċidji partikolari, bħal ‘użorċidju’, li jfisser il-qtil tal-mara minn żewġha.
Daħlet ukoll il-kelma ‘matriċidju’, li jfisser il-qtil tal-omm minn xi ħadd minn uliedha stess.
Imbagħad fl-1801, fl-Ingilterra, issemmiet għall-ewwel darba l-kelma femicide. Din il-kelma m’hemmx tifsira għaliha fid-dizzjunarji Maltin imma nafu li tfisser il-qtil ta’ mara.