L-għaqda l-Malta LGBTIQ Rights Movement, l-MGRM ixxokjat ruħha għal dak il-kliem ta’ mibegħda u omofobiku li qal Fr David Muscat.
L-uffiċjal tal-MGRM Robert Attard tenna b’qalb maqsuma kif l-aġir tal-qassis Mosti mhux biss jbiegħed lil nies LGBTIQ mill-Knisja Kattolika però jqanqal biża’ fuq tfal li jridu jitkellmu b’mod komdu fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħhom mal-ġenitur.
“Bażikament x’qal Father David Muscat hija xi ħaġa xjentifikament inkorretta u din hija xi ħaġa vera perikoluża għax jista’ jkollha impatt negattiv ħafna fuq kif kemm kif il-ġenituri tan-nies LGBTIQ jaraw lit-tfal tagħhom kif ukoll fil-mod kif in-nies LGBTIQ li jħaddnu twemmin kattoliċi, kattoliku sorry jaraw lilhom nfushom.”
Attard spjega li l-għaqda MGRM, li għamlet rapport mal-pulizija u qed tistenna li tittieħed l-azzjoni neċessarja anki mir-Ragħaj Spiritwali tad-djoċesi ta’ Malta.
“Din hija xi ħaġa li nkun nista’ nirrispondiha eżatt sew wara l-azzjoni li jieħdu peress li aħna m’għandniex x’naqsmu mal-Arċisqof però fl-opinjoni tagħna x’qal Father David hija tgħodd bħala hate speech.”
Attard kompla jgħid ma’ ONE News kif din ma’ kinitx l-ewwel darba li Father David instiga kliem ta’ mibegħda.
“Sfortunatament din mhux l-ewwel darba jiġifieri ma konniex sorpriżi però konna diżappuntati again din hija xi ħaġa li tweġġa’ lil ħafna nies speċjalment il-dawk li jidentifikaw bħala Kattoliċi u LGBTIQ.”