Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo, tkellem fl-ewwel sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Diskorsu reġa’ xehed l-inkwiet li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
Nies jiktbu kontra xulxin u attakki. Arrigo ta x’jifhem li minn meta xhur ilu għamel l-istess appell is-sitwazzjoni ftit li xejn tjiebet:
“Ngħid xi ħaġa fuq il-Facebook, tinduna min għandu jew m’għandux fake profiles, tinduna min jibda jikteb kontra appost, jiżra l-firda u l-partit isofri”.
Saħansitra Arrigo huwa rrabjat li spiċċa injorat:
“Kemm tajt mobile numbers lil min għajjar u lil min insulta fuq fb – tafu li ħadd ma ġie biex niltaqa’ magħhom. Ħadd mank bagħat sms biex niltaqgħu magħhom”.
Intant, filwaqt li Robert Arrigo qal li issa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ma jridx ibigħ iktar każini, żvela li proprju nħoloq kumitat dwar hekk:
“Fuq suġġeriment tal-Kap sar il-kumitat fuq il-bejgħ tal-postijiet li aħna għandna”.
Lil dawk li fl-aħħar elezzjoni għażlu li jduru mal-Partit Laburista sejħilhom switchers finanzjarji:
“Il-famużi switchers tal-2013. Is-switchers finanzjarji tal-2017”.
U finalment kellu jerġa’ jdur fuq l-inkwiet intern. Għax il-kritika għall-oppożizzjoni ddejqu. (ARRIGO)
“Fis-sajf kellek ħafna posts fuq facebook “no opposition, where is the opposition?” Iżjed mistoqsijiet fuq il-PN milli fuq il-gvern”.
Lil dawn qalilhom li mhux se jirriżenja:
“Din is-sena kelli ħafna nies jgħajru, jinsulentaw u jgħiduli ħafna affarijiet li jweġġgħu. Allavolja jipprovaw, jien se nibqa’ hawn tul il-mandat tiegħi ta’ Viċi-Kap li tajtuni b’elezzjoni”.
U fuq kollox kellu messaġġ ċar li jinġabar f’sentenza waħda:
“Min ma jistax imexxi daru ma jistax imexxi l-gvern”.