Jum wara li ntbagħtu r-riżultati tas-SEC, għall-għaxar sena konsekuttiva ħarġu l-applikazzjonijiet għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC mingħajr ħlas.
Dawn qed jiġu organizzati permezz tal-Youth Guarantee Project iffinanzjat minn fondi Ewropej.
B’dawn il-klassijiet huma mmirati għall-istudenti li se jagħmlu r-resits fil-Bijoloġija, Ingliż, Malti, Matematika u Fiżika, f’Settembru li ġej.
Sa mill-bidu tiegħu fl-2014, dawn il-klassijiet għenu lil aktar minn 5,000 student taw riżultat favorevoli sena wara sena. Permezz ta’ dan l-investiment, l-istudenti qed ikunu assistiti u mħeġġa jkomplu l-esperjenza edukattiva tagħhom.
Il-klassijiet se jibdew fl-24 ta’ Lulju u jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat sal-aħħar ta’ Awwissu.
Studenti ta’ bejn 15 u 24 sena li ġabu marka 6, 7, U jew li kienu mmarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti ewlenin imsemmija hawn fuq huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.
L-istudenti jistgħu jattendu għal dawn il-klassijiet fiċ-ċentri tal-Mosta, Blata l-Bajda, Raħal Ġdid u r-Rabat, Għawdex u jistgħu jagħlu li jattendu għal massimu ta’ tlett suġġetti, inkluż għażla ta’ suġġett tax-xjenza.
L-istudenti jistgħu japplikaw online fuq is-sit www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses .
L-applikazzjoni se tibqa’ miftuħa sa nhar it-Tlieta 18 ta’ Lulju fl-10 ta’ filgħodu.