Għad-disa’ sena konsekuttiv se jerġgħu jsiru l-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC bla ħlas għall-istudenti li se jpoġġu għar-resit f’Settembru li ġej.
Il-klassijiet ta’ reviżjoni li qed jiġu organizzati permezz tal-Proġett Youth Guarantee, huma dwar is-suġġetti tal-Bijoloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika.
L-istudenti li applikaw jistgħu jattendu kemm online jew b’mod fiżiku fl-Iskola tal-Lilly of the Valley fil-Mosta, fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Blata l-Bajda, l-MCAST Raħal Ġdid jew fir-Rabat Għawdex u jistgħu jagħżlu li jattendu għal massimu ta’ tliet suġġetti, li tinkludi l-għażla ta’ suġġett wieħed tax-xjenza.
Fil-binja tal-Jobs+, ONE News tkellem mal-koordinatur tal-proġett Franco Ebejer li spjega kif mill-bidu tagħhom fl-2014, dawn il-klassijiet sa issa għenu lil aktar minn 5000 student u taw riżultat favorevoli sena wara sena.
Qal, “Bejn wieħed u ieħor kull sena jkollna madwar 800 student u studenta li jattendu dawn il-klassijiet. Mid-data li niġbru wara l-eżamijiet, l-istudenti li jattendu għalihom, ħafna studenti jġibu pass mark biex ikomplu l-istudju tagħhom fis-sena skolastika ta’ wara.”
Il-klassijiet ser jibdew fil-25 ta’ Lulju u jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat sal-aħħar t’ Awwissu.
Studenti bejn il-15 u 24 sena li ġabu marka 6, 7, jew li kienu mmarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti ewlenin huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.
Franco Ebejer spjega li l-għalliema tal-klassijiet ta’ reviżjoni huma kollha kwalifikati.
Qal, “L-għalliema huma kollha kwalifikati u li fis-sena skolastika jkunu qed jagħllmu l-iskejjel sekondarji tagħna u jidher li din is-sena se jkun hemm madwar 80 għalliem li se jkunu mqassma f’dawn iċ-ċentri. Kull student jattendi għal tliet lezzjonijiet fil-ġimgħa ta’ sagħtejn kull lezzjoni.”
Il-massimu ta’ studenti f’kull klassi huwa dak ta’ għaxra, hekk kif tingħata attenzzjoni individwali.
Kull student jingħatalu wkoll sett ta’ karti tal-eżemijiet tas-snin ta’ qabel b’xejn.
L-istudenti jistgħu japplikaw onlajn billi jżuru www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses
L-applikazzjoni jgħalqu it-Tlieta dsatax ta’ Lulju.