L-istudenti li m’għaddewx mill-Ingliż, il-Malti, il-Matematika, il-Fiżika u l-bijoloġija ser jingħataw l-opportunità li jattendu bla ħlas klassijiet ta’ reviżjoni biex jagħmlu l-eżami riparatorju f’Settembru bit-tama li jiksbu riżultat tajjeb biex ikompli bl-edukazzjoni tagħhom fil-livell post sekondarju.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni saħaq li l-istudenti li ser jattendu dawn il-lezzjonijiet iridu jattenduhom kollha u jifhmu li dan se jkun programm intensiv li jitlob attenzjoni sħiħa. L-istudenti jistgħu japplikaw għal dawn il-lezzjonijiet fuq is-sit education.gov.mt/revision sal-10.00 a.m. tal-Erbgħa 18 ta’ Lulju. Il-Ministeru fakkar li l-istudenti jridu japplikaw b’mod separat għar-resits ta’ Settembru.
Dawn il-klassijiet huma ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.