Bosta Afgani dalgħodu qamu anzjużi dwar il-futur tagħhom hekk kif illum, wara għoxrin sena, qamu mingħajr il-preżenza ta’ truppi internazzjonali f’pajjiżhom.
Skont sorsi tal-BBC qalu li t-Taliban għad irid iħabbar Gvern ġdid u s-sistema l-ġdida li biha se jkun qed imexxi l-pajjiż. Mhux qed jiġi eskluż li jerġa’ jitwaqqaf l-Emirat Iżlamiku bħalma kellhom lura fis-snin 90.
Bħalissa fl-Afganistan il-flus kontanti huma xotti, kienu bosta li minn kmieni dalgħodu nġabru quddiem il-magni tal-flus biex jiġbdu flushom. Kawża ta’ dan, l-ammont ta’ kemm persuna jista’ jiġbed ġie limitat.
Ħafna jinsabu fi stat iddisprat hekk kif qed jibżgħu li mhux ħa jkollhom biżżejjed flus biex isostnu lilhom innfushom u lil familthom.
Intant, minkejja li l-evakwazzjoni ntemmet, xorta għad hemm Afgani li għadhom qed isibu kull mezz possibbli sabiex jaħarbu mill-pajjiż.