Fi stqarrija l-Pulizija qalet li b’referenza għal artiklu li ġie ppubblikat illum fuq il-gazzetta Times of Malta, flimkien ma’ reazzjonijiet oħra, il-Korp jixtieq jikkjarifika li l-Ispettur Kevin Pulis beda jaqdi dmiru fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qomi nhar l-ewwel ta’ Settembru tas-sena 2020 u mhux riċentament kif qed jagħtu x’jifhem l-artikli u l-posts li ġew ippubblikati.
Il-Pulizija qalet kif fil-fatt nhar l-24 ta’ Novembru 2021 l-Ispettur Kevin Pulis, bħala Spettur fid-Distrett ta’ Ħal Qormi (fejn kien sar ir-rapport mal-Pulizija), flimkien mal-Ispettur Kurt Farrugia mid-Distrett tal-Belt Valletta kienu ressqu raġel il-Qorti akkużat li bagħat ittri anonimi, kif ukoll li hedded u/jew ta fastidju lil numru ta’ persuni politiċi, kif ukoll pubbliċi.
Ġie spjegat li nhar l-ewwel ta’ Jannar 2022, meta nbidlu l-konfini tad-Distretti tal-Pulizija, bi qbil bejniethom, is-Sur Pulis tmexxa mid-Distrett ta’ Ħal Qormi għal dak tal-Belt Valletta, filwaqt li s-Sur Kurt Farrugia tmexxa mill-Belt Valletta għad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Pulizija kkjarifikat li l-każ li ssemma iżjed ’il fuq, li l-irwol ta’ Spettur fid-Distrett huwa fil-fatt wieħed investigattiv u huwa totalment żbaljat li wieħed jgħid li l-Ispetturi li jaqdu l-irwol fid-Distretti huma b’xi mod ‘demoted’ jew li jagħmlu xi rwol ikkunsidrat bħala ‘bażiku’, kif qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni l-imsemmija artikli.
Il-Korp tal-Pulizija jikkundanna bla riservi tali kummenti, li juru nuqqas ta’ rispett lejn l-uffiċjali li jaħdmu fid-Distretti.