Simon Busuttil qed għid lill-membri tal-koalizzjoni tiegħu li mhux se jippermetti kaċċa fir-rebbiegħa jekk ikun Prim Ministru, iżda fil-pubbliku għadu kemm qal li huwa favur li jinfetaħ l-istaġun.
Dan ikkonfermah fi status fuq Facebook l-eks direttur eżekuttiv tal-Birdlife Malta, Tola Temuge. Huwa kien direttur eżekuttiv bejn l-2006 u l-2011, u qal li Busuttil kien ċar meta tkellem mad-direttur ta’ dak iż-żmien, Steve Micklewright, qabel ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
“Political flip-flop at its best” qal Temuge.
Żvela li Simon Busuttil kien qal lil BirdLife Malta li huwa kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Iżda mbagħad lill-kaċċaturi qallhom li vvota favur, u issa qed jerġa’ jħawwad fil-prinċipji mill-ġdid.
Fis-Siġġiewi lbieraħ, meta kien fost il-kaċċaturi, Busuttil ftaħar li vvota favorihom fir-referendum tal-2015. Iżda l-FKNK qed twissi li l-prosposta ta’ Busuttil li jdaħħal propositional referenda se tippermetti lin-nies isejħu referendum sabiex jinbidlu l-liġijiet. Din taħdem bl-istess parametri li biha kien sar referendum abrogattiv kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa sentejn ilu. Għalhekk it-tħassib hu li b’Simon Busuttil fit-tmun, l-istaġun ikun mill-ġdid perikolat.
Dwar il-kaċċa kkummenta wkoll il-Prim Ministru li qal li miegħu l-kaċċaturi u n-nassaba jafu fejn qegħdin.