“Malta, dak kollu li ntalbet għamlitu u għaddiet minnu fit-test tal-MoneyVal.”
Sostna dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt intervista fuq il-programm Xtra quddiem il-verdett mit-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, fit-23 ta’ Ġunju.
Verdett li se jiddetermina jekk pajjiżna jitniżżilx fil-lista l-griża jew le.
Fil-fatt, il-Ministru Clyde Caruana sostna li għalkemm l-ewwel indikazzjonijiet qed juru li hemm numru ta’ pajjiżi li għal skopijiet politiċi jridu jagħmlu eżempju minn pajjiżna, xorta il-maġġoranza tal-pajjiżi tkellmu favur Malta u laqgħu b’mod pożittiv il-prestazzjoni ta’ Malta fl-eżami tal-MoneyVal.
Dan hekk kif bl-aħħar riżultat li kiseb pajjiżna, Malta hija waħda mill-uniċi pajjiżi Ewropej ‘largely compliant’ mar-rekwiżiti kollha tal-MoneyVal.
Il-Ministru Caruana stqarr: “Waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li Malta tintuża bħala eżempju għal pajjiżi oħra, dawn għandhom pjanijiet differenti, jiġifieri l-pjanijiet tagħhom jkunu dawk li ma jimxux ma dak li qed tgħid il-maġġoranza tal-pajjiżi għaliex irridu ngħidu li kien hemm maġġoranza sabiħa ta’ pajjiżi li kienet qed titkellem favur Malta li aħna għamilna biżżejjed xogħol li ħaqqna ngħaddu.”
Il-Ministru Caruana rreaġixxa wkoll għall-ittra li bagħat il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech lill-FATF mimlija botti kontra l-awtoritajiet preżenti ta’ pajjiżna.
L-istess awtoritajiet li bl-azzjonijiet tagħhom, għaddew lil Malta mit-test tal-MoneyVal.
Fil-fatt il-Ministru Caruana aċċenna għall-aħħar paragrafu fl-ittra ta’ Bernard Grech fejn saħansitra f’botta sottili indika lill-istess FATF li Malta għandha titpoġġa fil-lista l-griża.
Huwa sostna: “Nispera li min kitiblu l-ittra mhuwiex daqsekk familjari mal-proċess u warajha ma hemmx xi ħsieb, xi mottiv ulterjuri li qed jipprova jagħti indikazzjoni lil ħaddieħor ta’ fejn għandu jmur. Għaliex? Qed nirreferi għall-aħħar paragrafu fejn fl-ittra jgħid, ‘u aħna lesti nsegwu dak kollu li tgħidulna taħt l-FATF.’ Dik b’mod indirett qed tgħid isma’ itfgħu lil Malta fil-greylist u aħna dak li inthom tordnawla mill-greylist inkunu qegħdin nagħmluh.”
Qabel qabad triqtu lejn il-Ġermanja, il-Ministru Caruana temm jgħid li hekk kif fadal biss ftit jiem sabiex tittieħed id-deċiżjoni dwar pajjiżna, il-Gvern se jibqa’ jagħmel l-isforz kollu meħtieġ sabiex Malta tgħaddi mill-eżami tal-FATF kif hu ġust li jsir.
Il-Ministru Caruana tenna: “Għad baqa’ ftit tal-jiem oħra sabiex id-deċiżjoni aħħarija tittħieħed. Jien min-naħa tiegħi flimkien mal-kumplament tan-nies fiċ-Ċivil u kif ukoll il-Prim Ministru ħa nkomplu għaddejjin naħdmu sabiex nassiguraw li Malta tgħaddi mill-eżami hekk kif ħaqqha tagħmel.”