Beda billi qal li ilu sena u nofs jgħix fi Psaila Street, Santa Venera. Sostna li jħobb ħafna t-tradizzjonijiet Maltin u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-festi.
Madanakollu, sostna li kien hemm Ħadd partikolari meta l-qniepen tal-Bażilika ta’ Santa Elena ma waqfux idoqqu: fl-erbgħa, fil-ħamsa u fis-sitta ta’ filgħodu!
Dan il-qarrej insista kemm-il darba li mhux kontra li jindaqqu l-qniepen, iżda jemmen li meta jindaqqu f’dawk il-ħinijiet, wieħed ikun qed jeżaġera. Is-sena li għaddiet, dan il-qarrej qal li kien qed jaħdem barra minn Malta fil-ġimgħa tal-festa, u għalhekk m’għaddiex mill-istess esperjenza.
Qal li hu tal-parir li l-qniepen ma jindaqqux qabel is-sebgħa ta’ filgħodu, għaliex ħafna residenti għandhom tfal li għadhom żgħar. Qal li biex itaffi s-sitwazzjoni, żamm it-twieqi u l-bibien kollha magħluqin tul il-lejl, iżda l-ħoss xorta waħda tagħhom fastidju.
“Biżżejjed diffiċli li trabbi lit-tfal u tqum kuljum fis-sitta ta’ filgħodu” sostna l-qarrej, filwaqt li qal li dan it-tip ta’ ħoss ma jrassafx biss f’inkonvenjent għar-residenti, iżda jfisser ukoll tniġġiż permezz tal-ħoss.
Temm jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, gawda l-festa ma’ familtu, iżda xorta waħda jħoss li s-sens komun għandu jkun prevalenti.
Provajna nieħdu reazzjoni tal-Kappillan tal-Parroċċa dwar dan, iżda ma rnexxilniex nagħmlu kuntatt.