Żewġ gazzetti ewlenin ippubblikaw kitbiet li komplew jesponu l-firda u l-ġlied li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
L-editorjal tal-independent bit-titlu ‘A myriad of problems’, jiġifieri numru kbir ta’ problemi tkellem dwar l-inkwiet intern li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li l-editorjal jattakka lil Kap Adrian Delia, anki jekk is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Francis Zammit Dimech sejjaħlu bħala ‘asset’ għal partit, l-Independent jgħid li l-akbar problema li għandu l-Partit Nazzjonalista hi li l-poplu m’għandux fiduċja li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jmexxi pajjiż.
L-Independent jgħid li l-poplu jafda lill-Partit Laburista għaliex pajjiżna mexa ’l quddiem, partikolarment fuq livell ekonomiku.
L-editur tal-gazzetta indipendenti jgħid li hemm l-ġlied fil-partit tal-Pietà u semma kif dawk tal-fazzjoni kontra Delia għandhom is-sostenituri tagħhom u qed jisparaw f’saqajn il-partit tagħhom stess meta jkunu jridu jqaċċtu lil Delia.
L-Independent titkellem ukoll fuq il-qagħda finanzjarja mwergħa tal-partit ta’ Delia iżda l-editorjal jitkellem ukoll fuq kejl differenti li juża l-Partit Nazzjonalista stess għal nies fi ħdanu.
Hawnhekk l-editorjal isemmi kif filwaqt li hemm sejħiet għall-investigazzjoni interna fuq il-Kap Adrian Delia, dwar allegazzjonijiet li hu ħa jew ġie offrut flus mingħand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-istess waqt ma kienx hemm sejħiet biex jiġi investigat internament Karol Aquilina, għas-sewqan perikoluż tiegħu.
F’filmat żvelat fil-programm Pjazza, Karol Aquilina mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, deher jipprova jipperikola ħajjet pulizija mis-sezzjoni tal-muturi tat-traffiku.
F’dan il-kuntest, David Thake mill-fazzjoni Busuttil talab biex Delia jiġi investigat fuq l-allegat eluf ta’ ewro li ħa jew ġie offrut m’għand Yorgen Fenech iżda ma lissinx kelma fuq l-aġir ta’ sieħbu fil-fazzjoni, Karol Aquilina.
L-editorjal jagħlaq billi jsemmi kif bħalissa, il-Partit Nazzjonalista qed ibiddel l-istatut iżda hawn jingħad kif dan mhux biżżejjed.
Intant fuq l-aħħar faċċata tal-gazzetta tat-Times, bit-titlu ‘PN give Malta a break’, l-eks President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Arthur Muscat fetħilha kontra Delia.
Is-Sur Muscat, li l-kitbiet tiegħu dejjem ikunu kritiċi ħorox tal-Partit Laburista, ħadha qatta’ bla ħabel kontra Delia.
Minkejja l-impressjonijiet li qed jipprova jagħti l-Kap, Adrian Delia, il-ġlied fil-Partit Nazzjonalista ma waqaf qatt.
Il-Ħadd filgħodu, fl-istamperija saret laqgħa storbjuża u mimlija għajjat, tal-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Wara li fil-jiem ta’ qabel, fid-Dar Ċentrali kien hemm ġlied fuq l-isem tal-partit u l-motto kif propona Louis Galea, nhar il-Ħadd deputati nazzjonalisti reġgħu tefgħu pressjoni fuq il-futur ta’ Delia.
Kienu biss ftit deputati li qabżu għal Delia wara li bosta talbuh biex jitlaq fid-dawl tal-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika ppubblikat fil-gazzetti tal-Ħadd.
Id-deputati Nazzjonalisti wkoll ma niżlitilhom xejn tajjeb kif nhar is-Sibt Delia wieġeb għal-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech.
Ġurnalista:“Dr. Delia meta ltqajt ma’ Yorgen Fenech, tista’ ttini d-data?”
Delia: “Le ma nistax intik id-data.”
Delia: “Ma kinitx importanti għax kienet waħda minn sensiela.”