Kenneth Cassar, raġel ta’ erbgħin sena mill-Isla li ismu mhux ġdid ma’ każijiet ta’ vjolenza, kiser ordni tal-Qorti meta allegatament iffastidja, hedded u aggredixxa lil omm l-erbat uliedu.
L-akkużat kien il-ħabs fl-elfejn u sbatax wara li kien qal lill-eks sieħba tiegħu biex tlesti biex tindifen f’għassa tal-Pulizija quddiem l-uffiċjali.
Fil-Qorti ngħad kif ir-raġel kien ġie ordnat biex ma jersaqx lejn Wied il-Għajn fejn tgħix l-eks sieħba tiegħu, iżda jidher li din l-ordni tal-Qorti kisirha kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Fil-fatt, għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, Cassar mar Wied il-Għajn quddiem l-appartament tal-eks mara tiegħu fejn allegatament sar vjolenti u beda jsabbat fuq il-bieb tal-appartament tal-vittma.
Allegatament, l-imputat uża sikkina biex jattakka lill-mara u rnexxielu jweġġa’ kemm lilha kif ukoll lil binha l-kbir. Huma ġarrbu ġrieħi ħfief.
Quddiem il-Maġistrat Astrid Grima, ir-raġel wieġeb mhux ħati u baqa’ jinżamm arrestat.