Il-Partit Laburista minn dejjem kien pijunier fil-kisbiet tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+ f’pajjiżna. Kisbiet mifruxin fuq 50 sena ta’ progress. Legat li hu mnaqqax fl-istorja ta’ pajjiżna u l-iżvilupp soċjali ta’ ġensu, u li, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar għaxar snin, irranka ferm aktar.
Waħda mill-ewwel kisbiet prinċipali Laburisti f’dan ir-rigward seħħet fid-29 ta’ Jannar tal-1973, fi żminijiet meta l-mentalità kienet iżjed magħluqa minn dik tal-lum, speċjalment bl-indottrinazzjoni u t-twerwir mill-forzi Ekkleżjastiċi tal-Knisja u dawk mill-Partit Nazzjonalista.
Dakinhar, amministrazzjoni Laburista, immexxija mill-Prim Ministru Dom Mintoff, għaddiet il-liġi mill-Parlament li temmet il-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, jiġifieri li persuna gay ma tibqax meqjusa kontra l-liġi, kif xtaqu l-Knisja u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Fl-2013, Gvern Laburista bagħat sinjal ċar mill-ewwel favur id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+. Fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid, twaqqaf l-ewwel Kunsill Leġislattiv għall-Persuni LGBTIQ+, biex ikunu l-attivisti li jaħdmu favur l-abbozzi tal-liġijiet favur id-drittijiet tagħhom.
Dan il-proċess beda minnufih billi persuni trans ingħatalhom id-dritt li jiżżewġu.
Dan wassal biex ġiet fi tmiemha saga ta’ snin fil-qrati Maltin u fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u, wara emenda, il-liġi taż-żwieġ wasslet biex Joanne Cassar setgħet tieħu l-istat tagħha wara operazzjoni fejn biddlet il-ġeneru tagħha.
F’April tal-2014, eluf ħonqu l-Belt Valletta biex jilqgħu l-vot storiku fuq il-Liġi tal-Unjoni Ċivili fejn il-Parlament, bl-approvazzjoni biss tan-naħa tal-Gvern Laburista. L-Oppożizzjoni, immexxija minn Simon Busuttil, kienet astjeniet.
Pajjiżna kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn ġiet emendata il-Kostituzzjoni biex tipproteġi lil dawn il-persuni minn kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru.
Fl-2015 ġiet approvata l-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess. Pajjiżna kien l-ewwel wieħed fl-Ewropa li ħaddem liġi speċifika dwar id-drittijiet tal-persuni transgender. Fl-2016, għall-ewwel darba, pajjiżna kklassifika fl-ewwel post fl-indiċi ta’ ILGA-Europe u baqa’ jżomm postu sal-lum.
F’Lulju tal-2017, pajjiżna reġa’ kiteb l-istorja f’dan il-qasam, permezz ta’ kisba oħra permezz tal-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ. Dakinhar ġiet approvata l-liġi dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
F’Novembru tal-2018, ġiet imnedija klinika magħrufa bħala l-Gender Well-Being Clinic li toffri għajnuna, trattamenti u counselling, fost l-oħrajn.
F’Settembru tas-sena l-oħra, irġiel omosesswali bdew jingħataw id-dritt li jkunu donaturi tad-demm għall-ewwel darba bl-istess kundizzjonijiet daqs irġiel eterosesswali.
Dawn il-kisbiet ċertament li qatt ma kienu jintlaħqu li ma kienx għall-Partit Laburista fil-Gvern.
Il-ġejjieni b’risq ugwaljanza għal kulħadd hu wieħed sabiħ immens. U dan kollu hu biss il-bidu. Minsuġ mill-programm elettorali Laburista, ‘Malta Flimkien’, pajjiżna se jibqa’ jkun l-ewwel fejn jidħlu d-drittijiet u riformi għall-persuni LGBTIQ+.