Qatt xi darba bbukkjajt karozza minn fuq l-internet u tiskopri li jkollok tħallas aktar hekk kif tkun qiegħed fl-uffiċċju tal-kiri? Hekk ġralhom, is-sena li għaddiet, 2,000 konsumatur fl-Ewropa, li rrapportaw dawn il-kwistjonijiet liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi, li jgħinu lill-konsumaturi meta jivvjaġġaw jew jixtru minn Stat Membru li ma jkunx tagħhom.
Wara żieda qawwija fl-għadd ta’ lmenti rigward kwistjonijiet marbuta mal-kiri tal-karozzi, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi daħlu f’taħdidiet mal-ħames kumpaniji ewlenin tal-kiri tal-karozzi sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati.
Illum, l-awtoritajiet iddeċidew li jikkonkludu din il-fażi ta’ kooperazzjoni fl-infurzar. Huma sodisfatti bil-bidliet li għamlu l-ħames kumpaniji ewlenin tal-industrija, Avis, Europcar, Enterprise, Hertz u Sixt fil-prattiċi kummerċjali tagħhom, li issa huma konformi mar-regoli tal-konsumatur tal-UE. L-assoċjazzjoni tal-kummerċ tal-UE, Leaseurope, li għenet biex ġiet stabbilita l-azzjoni min-naħa tal-industrija, qiegħda ukoll tkompli tiżviluppa l-linji gwida prattiċi tagħha għas-settur kollu tan-negozju tal-kiri tal-karozzi.
Věra Jourová, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, qalet:“Illum huwa jum importanti għall-konsumaturi Ewropej. Ħdimna ħafna mal-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi biex niggarantixxu li n-nies madwar l-UE jkunu jistgħu jikru karozza u li jiġu ttrattati b’mod ġust — irrispettivament minn fejn fl-UE ikunu krew il-karozza.”
Bis-saħħa ta’ dan id-djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur, iffaċilitat mill-Kummissjoni Ewropea taħt it-tmexxija tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Swieq tar-Renju Unit, il-konsumaturi se jibbenefikaw minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin; il-prezz tal-ibbukkjar ikun jinkludi kull tariffa inevitabbli, is-servizzi prinċipali marbuta mal-kirja jkunu deskritti b’lingwaġġ sempliċi, l-informazzjoni dwar assigurazzjoni addizzjonali tkun ċara, prassi trasparenti fejn jidħol il-fjuwil.