Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-Un talab apoloġija personali għall-qtil ta’ uffiċjal tal-Korea t’Isfel. Din l-apoloġija hija meqjusa bħala mossa rari minn Jong-Un.
Allegatament fl-apoloġija li ntbgħatet f’forma t’ittra, huwa qal lill-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, li dan l-inċident tal-bieraħ ma kellux iseħħ.
Jong-Un sostna wkoll li huwa jinsab iddispjaċut li ddiżapunta lill-Moon u l-poplu tal-Korea t’Isfel b’dak li ġara.
Intant, il-Korea ta’ Fuq bagħtet ir-rapport tal-investigazzjoni li għamlet dwar l-inċident.
Ir-rapport jinnota li ġew sparati 10 tiri fuq ir-raġel ta’ 47 sena li naqas milli jiżvela l-identità tiegħu u li pprova jaħrab, madankollu l-Korea ta’ Fuq qalet li ma ħarqitx il-katavru.