Eluf inġabru fil-kapitali Franċiża Pariġi biex jaraw it-tebut tal-eks President Franċiż Jacques Chirac, hekk kif Franza qed tosserva jum ta’ luttu nazzjonali.
F’ħinijiet, il-kju barra l-kumpless Invalides fejn jinsab it-tebut, kien ilaħħaq il-kilometru ta’ nies, minkejja x-xita u t-temp ikrah.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron u t-tliet predeċessuri tiegħu mistennija jattendu l-funeral ta’ Chirac, li miet il-ġimgħa l-oħra fl-età ta’ 86 sena.
Huwa kien serva żewġ termini bħala President, u tnejn oħra fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Il-Ministru Evarist Bartolo se jkun qed jirrapreżenta lill-Gvern Malti u se jingħaqad ma’ Kapijiet ta’ Stati oħra u jattendi għall-funeral ta’ Chirac li se jsir fil-Knisja ta’ Saint-Sulpice f’Pariġi.
Ritratt: AFP