Li persuni b’diżabilita’ jsibu impjieg u jsiru dejjem aktar indipendenti, minn dejjem kien impenn ewlieni għal dan il-Gvern.
Iżda mhux biss, il-Gvern flimkien ma’ Jobsplus jara li persuni b’diżabilita’ jidħlu fid-dinja tax-xogħol b’dinjita’ filwaqt li jintegraw ma’ persuni oħra.
Hekk hija l-esperjenza ta’ Kilian Tanti, żagħżugħ ta’ tlieta u għoxrin sena, li fl-aħħar xhur sab impjieg ma’ Argus Insurance.
Kilian ibbenifika mill-iskema ta’ ‘Sheltered Employment’ ta’ Jobsplus wara li fil-baġit imressaq fl-elfejn u erbatax, il-Gvern inforza liġi li kienet saret fis-sittinijiet u li tħalliet fuq l-ixkaffa.
Permezz ta’ din il-liġi kumpaniji li jħaddmu aktar minn ħamsin persuna jrid ikollhom minn tal-inqas tnejn fil-mija tal-impjegati b’diżabilità, li ma jkunx hemm għalfejn titħallas il-bolla tagħhom.
Bit-tbissima fuq wiċċu, xhieda tas-sodisfazzjon li qed iħoss, Kilian qalilna li sa minn qabel Lulju li għadda, beda jagħmel xogħol ta’ arkivjar.
“Ix-xogħol li qed nagħmel bhalissa huwa archiving, nitfa lura dawk il-files li m’ghadhomx jintuzaw” qalilna Kilian.
Ix-xogħol tah sodisfazzjon kbir u qed iħeġġu biex ikompli jitgħallem aktar.
Iltqajna wkoll ma’ Maurizia Grima, HR Manager and Executive Assistant to the CE fejn qed jaħdem Kilian, li kellha biss kliem ta’ tifħir għat-talent u l-imġiba ta’ Kilian innifsu.
Tal-istess fehma kienu l-kollegi ta’ Kilian li lkoll faħħru l-impenn u l-entużjażmu tal-kollega tagħhom għax-xogħol.
Fuq kollox, Grima xtaqet tħeġġeġ aktar lil dawk li jimpjegaw biex jagħmlu dan il-pass għaqli u jintegraw fuq il-post tax-xogħol aktar persuni b’diżabilita’ li lkoll għandhom ħafna x’joffru.