Is-Sibt, il-Kap Nazzjonalista ħabbar tibdil fix-shadow cabinet tiegħu, tibdil li kkonferma kemm l-establishment Nazzjonalista għadu jiddetta d-deċiżjonijiet fl-istess partit.
Fil-fatt, f’dan ir-reshuffle li propju żvelah ONE News il-Ġimgħa filgħaxija fejn kienu għaddejjin numru ta’ laqgħat li ġebbdu sas-Sibt wara nofsinhar, l-ewlenin tal-establishment Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami baqgħu jżommu l-portafolli rispettivi tagħhom biex b’hekk Aquilina baqa’ l-kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Ġustizzja filwaqt li Fenech Adami żamm l-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ.
Għaddiet tal-establishment ukoll bir-rabtiet tagħha mal-għaqda Repubblika dwar is-settur tal-Intern hekk kif dan ingħata lil Darren Carabott flimkien mas-sigurtà u r-riformi biex b’hekk ngħatat daqqa ta’ sieq lil Joe Giglio, li wkoll magħhom ma jarax għajn m’għajn.
Fil-fatt, lil Joe Giglio, Grech neħħielu l-portafoll tal-Intern u minflok tah biss parti mis-settur tat-Trasport u l-Infrastruttura. B’hekk Giglio sar il-kelliem għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali hekk kif it-Trasport ingħata lil esponent ieħor tal-establishment, Mark Anthony Sammut li għandu wkoll il-mobbiltà.
Joe Giglio, li kien it-tielet kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern fi tlett snin, ma kienx l-uniku wieħed li ra indħil dwar il-portafoll li jingħatalu mill-establishment Nazzjonalista.
Id-deputat Mario De Marco reġa’ ma ngħatax il-portafoll tal-finanzi. Minflok dan il-portafoll ħadu Graham Bencini, li sal-lum kien kelliem għall-isport. Fil-fatt, fid-Dar Ċentrali qed jgħidu li għal darb’oħra reġgħet għaddiet tal-Establishment biex De Marco ma ngħatax dan il-portafoll. Dan minkejja li ħafna kienu jemmnu li hekk kellu jsir.
Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem tal-Finanzi sa mill-aħħar elezzjoni ġenerali ngħatalu l-portafoll tal-ekonomija u l-intrapriża.
Daqqa oħra mill-establishment hi dik li ngħatat lil Stephen Spiteri li tteħiddlu s-saħħa u minflok ngħatatlu l-politika soċjali. Fil-fatt, One News hu infurmat li biex id-daqqa lil Spiteri tkun kbira użaw lil Adrian Delia li issa ngħata lilu l-portafoll tas-saħħa.
L-isport, li ttieħed mingħand Graham Bencini mar għand David Agius li hu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Fondi Ewropej ukoll.
Janice Chetcuti kienet deputata oħra li nbidlilha l-portafoll hekk kif flok, l-ambjent u l-ispazji miftuħa issa għandha d-drittijiet tal-konsumatur filwaqt li żammet il-ħarsien tal-annimali.
Rebekah Borg saret il-kelliema għall-ambjent minflok l-artijiet u l-drittijiet tal-konsumatur.
Tibdiliet oħra nkludew iż-żieda tal-portafoll għall-ġlieda kontra l-faqar lil Ivan Bartolo u l-indafa pubblika żdied lil Eve Borg Bonello.
Albert Buttigieg li fl-aħħar jiem fuq Facebook ukoll beda jgħaddi l-botti lill-Kap wara li sorsi qalulna li dan tal-aħħar qallu li mhux qed ikun deputat effettiv ngħata s-setturi tal-Familja u s-Sigurtà Soċjali.
Fl-istess ħin żvelajna manuvri oħra iktar kmieni matul il-jum.