B’rabta mad-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech dwar li skont hu, il-Gvern qed jaljena liż-żgħażagħ billi ħareġ White Paper fuq riforma għall-użu responsabbli tal-kannabis, il-Partit Laburista qal li l-intervista tal-Kap tal-Oppożizzjoni llum, kienet prova oħra ta’ Kap mingħajr prinċipji li jitkellem biss skont dak li jkun qara fil-midja soċjali.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li mhux biss Ħadd wara Ħadd, Bernard Grech imeri dak li jkun qal hu stess ġimgħa qabel iżda issa qed joħroġ biċ-ċar kif jaħseb li kulħadd bħalu.
Dwar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar ir-riforma fuq il-liġi li tirregola l-użu tal-kannabis u l-mod ta’ kif iddeskriviha, bħala eżerċizzju marbut mas-surveys, il-Partit Laburista qal li dan jikxef il-mod kif il-Kap Nazzjonalista jaħseb biss f’termini elettorali.
“L-għatx li għandu għall-poter ma jafx limitu u jwasslu biex jispiċċa jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu, f’dan il-każ, taż-żgħażagħ, għax b’dak li qal hu, iż-żgħażagħ jiddeċiedu liema partit jappoġġjaw fuq ir-riforma tal-kannabis biss”, innota l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista qal li ż-żgħażagħ jappoġġjaw lill-Partit Laburista għax jaraw fih partit riformista u li qed jieħu d-deċiżjonijiet biex ikompli jirriforma dan il-pajjiż.
Intqal li fuq kollox iż-żgħażagħ jafu li l-Partit Laburista jirrispettahom u jagħtihom l-ispazju kollu biex imexxu l-politika tiegħu u dan bil-fatti u mhux biss bil-kliem fil-gazzetti f’mument ta’ kriżi.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/18/jghid-li-l-gvern-hareg-white-paper-ghall-uzu-responsabbli-tal-kannabis-biex-jaljena-liz-zghazagh/