Fil-familja m’għandu lil ħadd li kien jerfa’ fil-Vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
Beda jerfa’ fil-vari meta kellu biss 18-il sena.
Qal, “Primarjament meta kont tifel żgħir il-vari kienu jaffaxinawni. Meta hawnhekk hawn sett sabiħ ta’vari f’Ħal Qormi. Kont nara dawk l-irgiel, ir-reffiegħa jerfgħu taħt il-vari, b’dik is-serjeta. Regħfa qormija li tant aħna magħrufin għaliha.”
Qalilna li biex wieħed ikun jista jerfa’ waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, wieħed irid ikun membru f’waħda mill-ħames fratellanzi li hemm f’ Ħal Qormi li huma tas-Sagrament, tal-Madonna tar-Rużarju, taċ-Ċintura, ta’ San Mikiel Arkanġlu u ta’ San Ġużepp. Huwa membru fil-Fratellanza ta’ San Mikiel.
Għal Spiru, l-Ġimgħa l-Kbira hija s-sena kollha. Matul is-sena, kull fratell irid jieħu sehem f’servizz fil-paroċċa biex jikseb il-punti ħalli jkun eleġibbli biex jerfa’. Dan isir minħabba li d-domanda hija waħda kbira biex wieħed ikun reffiegħ.
Ġeneralment, kull fratellanza tagħti l-opportunità lir-reffiegħa li f’sena tintrefa’ vara miż-żgħar filwaqt li s-sena ta’ wara tintrefa’ waħda mill-kbar bħal dik tal-Aħħar Ċena, il-Vara l-kbira u dik tad-Depożizzjoni.
Tkellimna ma’ Spiru, dwar il-ħobża jew il-balla kif isejħulha l-Qriema, li trabbitlu matul dawn is-sittax il-sena, li ilu jerfa’ fil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Huwa xtarr magħna li l-balla għalkemm mhix attraenti hija komda.
Qal, “Hawn min isibha bħal l-ħobż tal-irfiegħ. Hawn nużaw it-terminu balla. Estetikament ma tantx hija attraenti pero fejn tidħol għall-irfiegħ, hija komda. Għall-fatt u r-raġuni, hawnhekk Ħal Qormi, ir-refgħa tagħna titlob li l-bastun indurulu, allura int ssib il-posiżżjoni issa jekk tikber f’ċertu estrem, tiġi daqsxejn skomda, imma dment li tkun ta’ ċertu qies komda għax issib il-posizzjoni mill-ewwel meta terfa.”
Imma l-balla kif titrabba?
Qal, “Mas-snin, terfa sena wara sena, trabbi bħal kallu. Tkun iebsa, mhux bħall-ewwel darba li erfajt, il-ġilda tkun tarija. Malli tmiss il-bastun tibbies mill-ewwel. Tkun komda. Hawnhekk hawn ċerti vari ta’ ċertu toqol allura hija komda ħafna.”
B’għajnejh jixegħlu li jixhdu l-imħabba li għandu Spiru Bonanno lejn din it-tradizzjoni, rrakkuntalna l-iktar refgħa li hija tant għall-qalbu.
Qal, “F’dawn is-sittax-il sena, s’issa l-iktar refgħa li qegħda għall-qalbi fl-2019 meta rfajt fil-Vara l-Kbira. Ir-raġuni hija li għalija il-Vara l-Kbira hija ta’ kull purċissjoni – il-Kruċifizzjoni.”