Hekk kif bdew ifeġġu l-ewwel każijiet tal-coronavirus fl-Ewropa fi Franza, is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika avżat sabiex jittieħdu numru ta’ prekawzjonijiet jekk wieħed isiefer sabiex jiġu pprevenuti każijiet ta’ dan il-virus f’pajjiżna.
Hija avżat li dan il-virus jista’ jittieħed b’kuntatt ma’ persuna nfettata.
Dak li jkun għandu jżomm lura milli jiffrekwenta swieq tal-ikel fejn ikun hemm annimali mejtin u anki ħajjin. Dan filwaqt li għandu jiġi evitat kuntatt ma’ persuni morda b’mod partikulari dawk li għandhom mard respiratorju.
Avżat ukoll sabiex tinżamm l-indafa personali, partikolarment għandhom jinżammu nodfa l-idejn, anke fejn jidħol il-konsum tal-ikel. Is-sovrintendenza qalet li għandu jiġi evitat ukoll kuntatt mal-annimali, speċjalment mal-ħmieġ tagħhom.
Apparti dan qalet li dawk kollha li se jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina għandhom jieħdu wkoll l-injezzjoni tal-influwenza staġjonali tal-inqas ħmistax qabel ma jsiefru lejn dan il-pajjiż. Dan apparti injezzjonijiet oħra li jittieħdu.
Dawk li fi żmien 14–il ġurnata minn mindu setgħu żaru l-belt ta’ Wuhan fiċ-Ċina u li issa għandhom mard respiratorju akut u sintomi ta’ rjiħat bħal deni, qtugħ ta’ nifs, sogħla, u uġigħ fil-griżmejn; għandhom jagħmlu kuntatt mat-tabib tagħhom u wkoll mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.
Il-virus feġġ fil-belt ta’ Wuhan fl-aħħar tas-sena li għaddiet, u qed ikun maħsub li oriġina mis-suq tal-bejgħ tal-annimali li hemm fl-istess belt.
Sa issa kważi 2,000 persuna madwar id-dinja laqqtu dan il-virus b’56 jitilfu ħajjithom. Uffiċjali fiċ-Ċina qegħdin jgħidu l-virus jiġi trasmess qabel ma’ jidhru s-sintomi tiegħu, li qed jagħmilha iżjed diffiċli sabiex jiġi mxekkel it-tixrid tiegħu.