Raġel li fiż-żogħżija tiegħu ntrikeb mid-droga, seraq biex jissostanzja l-vizzju, u ħallas għar-reati li wettaq b’sentenza ta’ ħabs, qasam l-esperjenza tiegħu ma’ ONE News dwar ir-realtà li teżisti għal eks priġunieri li wara li jiskontaw is-sentenza, ikunu jixtiequ jibdew paġna ġdida f’ħajjithom.
Ir-raġel xtaq li jibqa’ anonimu għaliex jemmen, u esperjenza, l-istigma u l-ġudizzju li jeżistu fil-konfront ta’ nies li jkunu xellfu diffrejhom mal-ġustizzja, anki jekk ikunu ħallsu għal għemilhom.
Ħadna lura aktar minn żewġ deċenji, meta beda jagħmel użu mis-sustanzi u bla ma jaf, sar jiddependi fuq id-droga.
Qal, “Għalkemm inti tkun wieqaf mid-droga, jekk terġa’ tmiss, qisek qatt ma waqaft, u d-droga hija x-xi ħaġa li inti tmur għaliha biex tgħid, ħa naħrab mir-realtà u s-sitwazzjoni ta’ bħalissa.”
Huwa qalilna li d-droga ġġibek skjav u ma taħsibx dwar il-konsegwenzi u r-riperkussjonijiet ta’ ċertu għemil.
Stqarr, “Inti tibda bil-craving l-ewwel mhux bl-uġigħ fiżiku. Tibda bis-sensazzjoni li ħa tieħu d-droga u ħa tkun aħjar imma fil-verità kulma qed tagħmel, il-ħofra tiegħek stess. M’intix ħa ssolvi problemi, ħa tkabbar il-problemi, u minflok ħa tiġi bniedem razzjonali li għandek l-intellett tiegħek, ħa tiġi annimal litteralment bl-istint biss. Dik ix-xi ħaġa li trid lilha u qabel teħodha mhux ħa toqgħod kwiet u konsegwenzi mhux ħa tikkalkula.”
L-eks priġunier qalilna li kemm dam fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, segwa diversi programmi u korsijiet edukattivi, iżda r-rutina u s-sens monotonu ta’ ħajja fil-ħabs, jibqgħu hemmhekk.
Qal, “Qiegħed fl-istess tliet metri b’erbgħa, u ġurnata wara l-oħra, sena wara l-oħra, Milied wara l-ieħor, Għid wara l-ieħor, litteralment il-ftit kuntatti ma’ barra, iktar kemm jgħaddi żmien, iktar titlifhom, iktar jonqsu.”
Minkejja li ilu ħames snin li skonta s-sentenza, ir-raġel stqarr li s-soċjetà ma tagħmilha xejn faċli biex wieħed jerġa’ jibda paġna ġdida, speċjalment fejn tidħol id-dinja tax-xogħol.
Stqarr, “Għandi kwalifiki u ħafna mid-drabi, jaċċettaw. Qabel tissemma l-kondotta, kien hawn min anki litteralment tani l-uniformi, imbagħad inti u ħiereġ jgħidlek isma’ ġibli l-kondotta. Taqbad l-uniformi u tagħtihielu lura tgħidlu skużani ma nistax għax il-kondotta tiegħi mċappsa.”
Staqsejnih x’inhu dak li jżommu milli jerġa’ jaqa għall-vizzju, issa li qed jipprova jibni ħajja ġdida, tant li anki qed isegwi kors fl-MCAST.
Qal, “Meta niftakar fid-dillużjoni li kelli jien, meta nara nies ħerġin u jerġgħu jidħlu wara sena, jien ma rridx u mhux se nkun, dik il-persuna li jerġa’ jarani ħaddieħor dieħel u nagħti dik id-dillużjoni li taw lili, nagħtiha lil dak il-priġunier li jixtieq joħroġ imma ma jistax.”
Ir-raġel appella għal aktar empatija u inqas ġudizzju mill-pubbliku in ġenerali, speċjalment fejn jidħlu ċertu kummenti insensittivi fuq il-midja soċjali, għaliex ħafna drabi, dak li jkun ma jkollux idea tal-istorja, u wara kull persuna fil-ħabs hemm ukoll familja u individwi li jħobbuha.