Il-ġonna tal-Palazz Verdala għal sena oħra se jittrasformaw ruħhom fi strutturi kkuluriti li se jagħmlu parti minn villaġġ tal-Milied ġdid fjamant.
Għal darb’ oħra l-avveniment se jsir b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Il-pubbliku se jkollu l-opportunità jimxi madwar palazz li huwa ġawhra nazzjonali li se jkun imżejjen bi skulturi mdawlin u installazjonijiet tad-dawl fost diversi attrazzjonijiet oħrajn.
Fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm il-ħanut tal-ġugarelli ta’ Santa Klaws, in-North Pole, strutturi li juru l-ħajja fil-baħar u diversi tipi ta’ annimali oħra.

L-avveniment se jsir bejn il-25 ta’ Novembru u s-7 ta’ Jannar fejn l-ammont ta’ nies se jkun limitat permezz ta’ biljetti li jistgħu jinxtraw online.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef sostna li l-Awtorità tinsab kommessa li tassisti u tappoġġja avvenimenti bħal dawn li jkomplu jżidu l-valur fl-esperjenza ta’ dawn li jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni għall-btala tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-attività ‘Illuminated Trail’ hija opportunità għall-familji u t-turisti biex jallegraw ruħhom matul il-perjodu tal-Milied f’wieħed mill-aktar postijiet pittoreski f’Malta.
