L-iskema tal-Carer at Home ġiet introdotta minn Gvern Laburista fl-2016 u, sal-lum il-ġurnata, diġà ffaċilitat il-ħajja ta’ aktar minn elfejn anzjan.
Tkellimna ma’ Alex Vella, li hu Manager taċ-Ċentru Servizz Anzjan, kif ukoll espert fl-iskema, fejn staqsejnih kif taħdem eżattament. Hu spjegalna kif il-carer mhux bilfors irid ikun jgħix fir-residenza mal-anzjan.
“Huwa servizz li bih l-anzjan qiegħed jikri jew jimpjega s-servizz ta’ carer biex jassistih id-dar. Mhux bilfors ikun full-time, lanqas li jkun live-in carer.”
Alex Vella, Manager, Ċentru Servizz Anzjan
Żied jispjega kif wara din l-iskema hemm proċess t’applikazzjoni, li normalment tiġi approvata f’inqas minn jumejn, filwaqt li għal dawk ta’ ’l fuq minn 80 sena, din tiġi approvata awtomatikament.
“Il-proċess jibda b’applikazzjoni. Dawk in-nies li għandhom ’il fuq minn tmenin sena, napprovawhom mill-ewwel. Dawk bejn sittin u disgħa u sebgħin sena, isir assessment bażiku li minnu rridu naraw li dak li jkun veru jkollu bżonn l-assistenza tal-carer.”
Alex Vella, Manager, Ċentru Servizz Anzjan
Huwa żied kif mal-ittra t’approvazzjoni huma jgħaddu anke dokumenti li huma bżonnjużi.
“Ma’ din l-ittra ta’ approvazzjoni qegħdin nibgħatu wkoll lista ta’ operaturi li aħna nafu bihom. Mhux lista bilfors eżawsta, imma dak li jkun, qed ngħinuh jibda biex ifittex minn dak li jista’ jiggwadanja dan is-servizz.”
Alex Vella, Manager, Ċentru Servizz Anzjan
Minn din is-sena, dan il-benefiċċju, mhux talli baqa’ fis-seħħ, iżda wkoll baqa’ jiżdied.
“Minn din is-sena, dan il-benefiċċju tela’ minn €8,000, li kien is-sena l-oħra għal €8,500 li ħa nkunu qed nagħtu lil dawk in-nies li jimpjegaw carer fuq bażi full-time. Meta ngħidu full-time, ġimgħa ta’ erbgħin siegħa, mhux bilfors dak li jkun irid jgħix mal-anzjan id-dar.”
Alex Vella, Manager, Ċentru Servizz Anzjan
Din l-iskema hi applikabbli wkoll għal carer part-time, bil-benefiċċju jitħallas pro-rata skont is-sigħat involuti.
S’issa, hu stqarr li r-rispons għal din l-iskema kien wieħed pożittiv.