F’dawn l-aħħar xhur mhux l-ewwel darba li Malta ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta siti, rivisti u kif ukoll paġni fuq is-sit soċjali Facebook, fejn bosta kienu dawk li poġġewha mal-ewwel pajjiżi fost il-favoriti għas-sena 2017.
Hekk kif wieħed jidħol fuq is-sit tal-BBC, jista’ jilmaħ ritratt mill-isbaħ li jpenġi lil Malta bħala pajjiż li wieħed għandu ċans li jsib il-kuntentizza.
Il-BBC irrapporta kif network globali tal-komunità, InterNations, riċentament ippubblikaw servej fost persuni li ma jgħixux fil-pajjiż nattiv tagħhom, fejn abbażi għar-risposti li ngħataw, intgħażlu l-aqwa pajjiżi li ġabu riżultati tajbin f’kull att.
Fost il-ħames pajjiżi li l-BBC niżżel, insibu lil Malta bħala t-tieni pajjiż mniżżel, bl-ewwel pajjiż ikun it-Tajwan.
“Il-klima sħuna u viċin l-Ewropa, huma favur ħafna din in-nazzjon Mediterranja. Il-klima twassal għal ħajja aktar kalma, u għalekk dawk li qed jaħsbu biex isiru residenti jistgħu jlestu ruħhom għal ħajja aktar kalma u mhux waħda li tirrikjedi l-għaġla,” irrapporta l-BBC.
“Diversi ħwienet jieħdu ‘siesta’ wara nofsinhar, u bosta persuni jistgħu jinnutaw li s-servizz fir-restoranti qishu jikkalma,” qalet Silvia Di Felice, Konsul ta’ InterNations minn Ruma. “Niftakar meta tħalna f’ristorant fit-8:00 ta’ filgħaxija u tlaqna f’nofsillejl! Kull ma’ ħadna kien l-ewwel platt u t-tieni. Mhux kull ristorant huwa l-istess, iżda kun preparat; iħarsu lejn il-ħajja tax-xogħol b’aktar kalma.”
Di Felice rrikomandat il-belt kapitali, il-Belt Valletta, in-Naxxar u kif ukoll il-Birgu bħala lokalitajiet li wieħed għandu jżur. Hi qalet ukoll li Malta toffri diversi opportunatijiet biex wieħed imur għal avvenimenti kulturali, bħall-Festival Internazzjonali għall-Arti u l-Festival tal-Films fil-Belt Valletta u saħansitra avvenimenti li jikkonċernaw ikel lokali bħall-Festa Frawli, waħda mill-aktar favoriti ta’ Di Felice.
Hi sostniet ukoll li ż-żewġ inbejjed Maltin li huma l-aktar favoriti tagħha huma ċ-Ċittadella, bħala inbid abjad, u Caravaggio Merlot, bħala inbid aħmar.
L-istess artiklu semma kif li filwaqt li s-sistema tat-taxxa f’Malta għall-barranin hi waħda atraenti għal bosta persuni li jixtiequ jiġu jgħixu f’Malta, il-kirja taf tkun għolja.
“Jaf ikun il-każ li n-nies tal-lokal iżommu ftit aktar flus lill-barranin, trid tagħmel ftit ta’ riċerka sabiex issib l-aħjar għażla,” spjegat Di Felice.
Il-pajjiżi l-oħra li tniżżlu fost il-ħamsa huma l-Ekwador, il-Messiku u New Zealand.