L-Awtorita tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni ta’ Vitals Global Healthcare għall-bini ta’ skola medika f’Għawdex, li se titmexxa minn Barts.
L-iskola se tinbena fuq is-sit tal-isptar ġenerali fir-Rabat Għawdex u se tkun skola medika mibnija fuq erba’ sulari bil-faċilitajiet tal-ogħla livell, kif mistenni minn Università li hi fost l-iktar magħrufa fid-dinja.
L-istampa hawn fuq tipprovdi idea ċara ta’ kif se jidher il-kampus. Skont il-pjan dan il-kampus mistenni jinfetaħ fl-2018. Però l-ewwel studenti, madwar 60, se jibdew bit-tagħlim tagħhom f’Għawdex iktar tard din is-sena.
Minn tagħrif li ngħata fl-aħħar xhur jirriżulta li Barts diġa ġibdet l-attenzjoni ta’ madwar 1,500 student internazzjonali li rreġistraw l-interess tagħhom biex jistudjaw f’din l-iskola. Ferm iktar minn kemm meħtieġ għal bidu tal-attivita akkademika f’Ottubru li ġej.
Fl-Istess ħin mitejn tabib Malti u Għawdxi applikaw għal xi forma ta’ sħubija mal-iskola, mhux biss bħala letturi iżda anke biex jibbenefikaw mir-riżorsi ta’ riċerka li dan il-kampus se jkun kapaċi joffri.
Fil-bidu se jkunu offruti żewġ korsijiet: kors bażiku fil-mediċina li jdum għaddej sena, u baċċellerat fil-mediċina li jdum ħames snin.
Iż-żewġ korsijiet huma replika ta’ dawk offruti f’Barts f’Londra fi ħdan l-Universita ta’ Queen Mary,u se jkollhom l-istess letturi, kurrikulu, u mezzi ta’ assessjar.
Filwaqt li l-iskola ta’ Barts toffri programm ta’ studju attraenti, bla dubju li l-wirt ta’ pajjiżna u l-istil ta’ ħajja tal-Maltin se jattiraw l-istudenti barranin biex jqattgħu dawn is-snin tant kruċjali jistudjaw u jipprattikaw fostna.
Barts hija l-eqdem skola medika fir-Renju Unit u tħejji t-tobba ta’ għada b’tagħlim tradizzjonali, kif ukoll bl-hekk imsejjaħ problem based learning, li huwa mezz iktar effiċjenti ta’ kif tabib jista’ jaqdi l-pazjent. Il-Kampus fir-Rabat Għawdex se jkun l-ewwel wieħed għal din l-universita barra mir-Renju Unit u se jkollu rwol importanti fis-suq globali tas-saħħa, li kull ma jmur qed isir iktar kompetittiv.