Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta
Jum l-Omm inqattgħu mal-familja wara li nattendu Quddiesa li ta’ kull sena tiġi organizzata fil-Palazz ta’ Sant’ Anton fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.
Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru
Omm ta’ Etoile u Soleil – 8 snin
Jum l-Omm jista’ jkun wieħed mil-isbaħ ġranet tas-sena. Imma jista’ jkun ukoll wieħed mill-ikrah ġranet tas-sena. Dan ghaliex il-ħajja hi magħmula minn mumenti ta’ ferħ u minn mumenti ta’ dieqa. Għalhekk f jum bhal dan irridu inkunu sensittivi ghall-emozzjonijiet kollha ta’ dawk ta’ madwarna. Xorta jibqa’ l-fatt li l-omm u l-miraklu tal-ħajja huma l-aktar ħaga meraviljuża fil-ħolqien tad-dinja u għalhekk huma ċelebrazzjoni tas-sabih tal-ħajja.
Miriam Dalli, Membru Ewro-Parlamentari
Omm ta’ Jack ta’ sentejn u qed tistenna tarbija
Jum l-Omm għalijja huwa jum bħall-Ħdud oħra, fis-sens li dejjem nipprova ngħaddi kemm nista’ ħin mat-tifel tiegħi. L-aktar mumenti sbieħ huma tgħanniqa jew bewsa mingħand Jack. Vis-a-vis il-mummy tiegħi, nipprova li nippjanalha flimkien ma’ oħti ġurnata sabiħa ħafna. Kull meta jkolli bżonnha dejjem hemm għalija u nibqa’ napprezza l-imħabba tagħha għal dejjem.
Marlene Mizzi, Membru Ewro-Parlamentari
Omm ta’ Alexandra Mizzi u nanna ta’ Max ta’ 18-il xahar
Għalija Jum l-Omm dejjem kellu tifsira speċjali għax dedikat għal persuna speċjali.Għandu tifsira speċjali wkoll ghħax jien omm u nanna! Niringrazzja lill-Mulej li għadni ngawdi lil tiegħi. Pero’ ma nistax ma niftakarx f’dawk l-ommijiet li m’għadhomx magħna, ommijiet li tilfu lil uliedhom, ommijiet ġo djar tax-xjuħ li ma jmur ħadd jarahom, u ommijiet li qiegħdin l-isptar. Niftakar ukoll f’dawk in-nies li jixtiequ jsiru ommijiet u dawk li qed jistennew li jsiru ommijiet. Nispiċċa’ b’qawl Ċiniz: mid-drittijiet kollha tan-nisa, l-aqwa dritt hu li ssir omm.
Helena Dalli, Ministru
Omm ta’ Jean ta’ 22 sena u Luke ta’ 28
Jien lit-tfal ngħidilhom “tifhmu l-imħabba tal-omm u xi tfisser tkun omm (jew missier) meta jkollkom it-tfal intom”. Li tkun omm ifisser li minn meta tqum sa meta torqod it-tfal dejjem fi ħsiebek. F’Jum l-Omm dawn il-ħsibijiet ikunu reċiprokati, jew għallinqas nittama.Se nqatta Jum l-Omm bħal kull nhar ta’ Ħadd: insajjar jien u l-bieb miftuħ għall-familja estiża, min jogħġbu jiġi jgħaddi.
Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari
Omm ta’ Josèphine ta’ 8 snin Jean ta’ 5 snin
Jum l-omm huwa kuljum, is-sena kollha, għaliex uliedna jitrabbew kuljum u kuljum ikollhom bżonnijiet, kemm materjali u anke emozzjonali tagħhom. Però f’dan il-jum partikolari tajjeb nieqfu u nirriflettu ftit dwar jekk hux qed nagħtu lil uliedna dak li verament għandhom bżonn, anke f’termini ta’ ħin iddedikat għalihom, mhux biss kwantu għal ħin ta’ kwalità, imma wkoll fil-mumenti li l-iktar ikollhom bżonn huma. Għalhekk dan il-jum għalija narah bħala mument għall-eżami ta’ kuxjenza, kemm bħala omm u anke bħala bint.
Deborah Schembri, Segretarju Parlamentari
Omm ta’ Ryan Connor li għandu 10 snin
Din hija ġurnata speċjali għalija għaliex m’għandi xejn aktar għażiż mit-tifel tiegħi. Meta twieled imlieni b’ferħ indiskrivibbli. Bħal għada niltaqgħu il-familja kollha għand il-ġenituri tiegħi u niċċelebraw flimkien.
Amanda Spiteri Grech, għalliema u taqra l-aħbarijiet ta’ ONE
Omm ta’ Mikael ta’ 7 snin u Thais ta’ 6 snin
Kuljum niċċelebraħ…. kemm bħala omm kif ukoll bħala bint. Li tkun omm ifisser emozzjonijiet ta’ ferħ u ħafna sagrifiċċji. Ma nemminx li wieħed ikun omm għax kellu wild naturali. Anzi jmur ferm ‘il bogħod minn sempliċiment twelid ta’ tarbija. Li tkun omm ifisser li tħares u tindokra bla limitu lill-persuna li tiddependi fuqek. Il-kisbiet tagħha jiddependu fuqek u fuq kollox li tkun omm hija responsabilita’ ikbar minn kull xorta ta’ responsabilitajiet oħrajn. Mill-esperjenza personali bħala omm ta’ żewġt itfal, meta sirt omm nibtet imħabba ġdida ġewwa fija li qatt ma kont esperjenzajt qabel. Imħabba tabilħaqq bla kundizzjoni u li l-prijoritajiet tiegħi u ta’ ħajti ħadu xejra u dimensjoni kompletament differenti. Issa fhimt dak li għamlet u qed tagħmel għalija ta’ kuljum. Grazzi Ma! Inħobbok u taf li aħna Jum l-Omm niċċelebrawh flimkien kuljum.
Clare Agius, preżentatriċi
Omm ta’ Luke – 4 snin u Liam 8 ġimgħat
L-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi hija ommi u dak kollu li għamlet għalija u għada tagħmel. Għadni ma nistax kważi nemmen li jien ukoll omm u li hija wkoll il-ġurnata tiegħi. Forsi għaliex it-tfal għadhom zgħar avolja il-kbir, li għandu 4 snin, diġa’ għamilli żewġ kartolini li s’intendi jmissuli qalbi u niggustah. Biss għalija, kif dejjem ngħid, biex bniedem iħoss din il-gratiduni, jgħaddi xi kumpliment u jirrikonoxxi, m’għandux jistenna ġurnata waħda f’sena. Jien kuljum ngħid lit-tifel li nħobbu u hu jgħidli lura. Għalija din l-espressjoni ta’ mħabba hija parti essenzjali mill-ġurnata ta’ kuljum.
Pauline Agius, preżentatriċi
Jum l-Omm din is-sena se jkun wieħed speċjali ħafna għalija. Se jkun l-ewwel wieħed m’ibni Ben li għandu għaxar xhur għaliex s-sena li għaddiet kien għadu ġo żaqqi f’dan il-jum u stajt biss inħoss d-daqqiet tiegħu pero’ din is-sena se nkun fil-kumpanija tiegħu. Barra minn hekk, f’dan il-jum jien se nkun ukoll parrina ta’ Liam Alexander, it-tifel iz-zgħir t’oħti li għad għandu biss xaharejn u se jitgħammed f’dan il-jum. Parrina bl-Ingliż hi ‘godmother’ allura ser inħossni niċċelebra dan il-jum bi kbir din is-sena flimkien mar-raġel u l-familja kollha tiegħi.
Claire Agius Ordway, preżentatriċi
Omm ta’ Matthew ta’ 14-il sena, Lyla ta’ 9 snin u Jack ta’ 7 snin
Ġurnata bħall-oħrajn għax ma tantx inħobb nagħmel ‘fuss’ fuqha. Għalkemm nieħu pjaċir bit-tgħanniq u l-bews u xi kartolina tat-tfal, għalija iktar festa biex niċċelebra lil-mama’ tiegħi. Nixtrila rigal u ‘card’, nagħmlu ġita saċ-ċimiterju biex insellmu lil-nanniet imbagħad noqgħodu ġurnata flimkien. Xejn ta’ barra minn hawn – affarijiet li nagħmlu fi ġranet normali. F’din il-ġurnata jien inħoss dieqa kemm għal min kellu xi korriment kif ukoll għal min jixtieq ikollu it-tfal imma forsi qed tkun diffiċli, għax naf kemm hu iebes dan iż-żmien u anke għal min tilef lill-ommu jew iktar agħar wild. Allura ngħid talba żejda għal min għaddej minn żmien diffiċli u biex tgħaddi din il-ġurnata li forsi tifthilhom din il-ġerħa f’ġurnata hekk iktar mis-soltu.
Pauline Fenech, attriċi
Omm ta’ Francesca ta’ 28, Isaac ta’ 27, Elisa ta’ 25 u Maria ta’ 24
Fil-verita’ ma tantx nemmen f’Jum l-Omm għax m’għandix bżonn ġurnata li tfakkarni li jien omm. Jien omm 24/7 u omm il-ħin kollu, kemm jekk inkun mat-tfal u anke meta ma nkunx. Il-Ħadd il-familja kollha, inkluż il-mama’ tiegħi ser immorru għad it-tifla il-kbira u nqattgħu l-ġurnata hemm. Meta niltagħu kollha nkunu 10, allura dejjem party nispiccaw!
Nawguraw Jum l-Omm mill-isbaħ!