Fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li saru fi tmiem din il-ġimgħa fis-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea, ivvotaw madwar mija, ħamsa u tmenin miljun persuna minn total ta’ tliet mija, tlieta u sebgħin miljun eliġibbli, b’turnout ta’ madwar ħamsin fil-mija.
Dawn ivvotaw biex jitilgħu seba’ mija u għoxrin rappreżentant fil-Parlament Ewropew, inklużi s-sitta minn Malta.
Hekk kif għadu għaddej il-proċess tal-għadd tal-voti madwar bosta stati tal-Unjoni Ewropea, hu magħruf li l-Grupp tal-Popolari Ewropej, l-EPP, għal darb’oħra se jerġa’ jkollu l-akbar numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, b’mija sitta u tmenin siġġu u kiseb aktar minn kwart tal-voti mitfugħa.
It-tieni l-akbar rappreżentanza fil-Parlament Ewropew mill-ġdid ukoll se tkun dik tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, bi tmintax fil-mija tal-voti jew total ta’ mija, erbgħa u tletin siġġu.
It-tielet l-akbar partit hu l-Partit Renew Europe, li ġab kważi ħdax fil-mija, b’total ta’ disgħa u sebgħin siġġu fil-Parlament Ewropew, waqt li l-l-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej ġabu tlieta u sebgħin siġġu, hekk kif kisbu ftit aktar minn għaxra fil-mija tal-voti.
Il-Grupp tal-Identità u d-Demokrazija ġabu tmienja fil-mija, bi tmienja u ħamsin siġġu f’din l-istituzzjoni Ewropea.
Il-Grupp tal-Ħodor għandu tlieta u ħamsin siġġu, b’sebgħa fil-mija, bil-Partit tax-Xellug fil-Parlament Ewropew ġab sitta u tletin siġġu, b’ċifri ta’ ħamsa fil-mija.
Membri Parlamentari mhux affiljati ma’ xi grupp issa jgħoddu għal sitta u erbgħin persuna, waqt li oħrajn eletti għall-ewwel darba u li għadhom indeċiżi jekk jissiħbux ma’ xi familja politika Ewropea, jgħoddu għal ħamsa u ħamsin membru.