“B’dispjaċir kbir, jien u s-sieħba tiegħi kellna ngħaddu mill-aktar ħolma kerha li dawk li jħobbu l-annimali jistgħu jgħaddu minnha. It-tliet iklieb mill-isbaħ tagħna, Maya, Bobby u Triksie inqatlu innoċentament minn xi persuna li m’għandiex il-kuraġġ taffaċċja lilna u minflok qatlet l-‘itrabi’ tagħna.”
Kienet din ir-reazzjoni emozzjonanti ta’ Carol Spiteri, wieħed mis-sidien tal-klieb li lbieraħ instabu mejta bi ħdax-il tir f’garaxx f’Ħal Għaxaq mis-sidien tal-istess garaxx.
It-tlett iklieb, Bobby, Maya u Trixie nstabu mis-sidien tal-klieb fil-garaxx fejn kienu jinżammu, dan hekk kif sfaw maqtula bi ħdax-il tir minn persuna jew persuni mhux magħrufa, li qabżu l-grada li tagħti għall-istess garaxx u ħallew lit-tliet iklieb għall-mewt f’għadira demm.
“Maya nqatlet b’żewġ tiri ta’ pistola u Bobby u Triksie nqatlu b’tir f’għonqhom. Kif xi ħadd jista’ jkun daqsekk qalbu ħażina? Għala għamiltulna hekk? Qatt ma għamlu ħsara lil ħadd,” qal Carol. Huwa stqarr li jinsab ixxukkjat b’dik ix-xena makabra li ra quddiemu u li qatt ma jista’ jifhem kif persuna tasal tagħmel xi ħaġa bħal din. Huwa kompla jgħid li se jkun qed iħoss in-nuqqas tal-klieb tiegħu.
Kienu mijiet il-kummenti fuq il-messaġġ li poġġa sid il-kelb, kollha ta’ dispjaċir u ta’ solidarjetà mas-sidien tal-klieb. Iżda l-linji tal-kummenti kollha kellhom xi ħaġa simili – dik li ma jistgħux jemmnu kif persuna bħalhom tasal tagħmel reat bħal dan.
Persuni li qed jinvestigaw il-każ qed jissuspettaw li dan il-każ hu att ta’ vendikazzjoni fuq is-sidien tal-garaxx. Id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed jappellaw lill-pubbliku biex jekk għandhom xi tip ta’ informazzjoni, għandhom jagħmlu kuntatt mal-Pulizija – anke jekk huma dettalji żgħar.
L-inċident kien irrapurtat ukoll lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali mill-Pulizija, fejn immedjatament bdiet ħidma ta’ koordinazzjoni mal-uffiċċji tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, kif ukoll mal-Pulizija, sabiex, sa fejn hu possibbli jkun iddentifikat min għamel dan ir-reat.
Sadanittant, il-pubbliku huwa mitlub sabiex min għandu xi informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha, anke b’mod anonimu, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali billi jċempel fuq in-numru 1717.