Kif kien mistenni, Vladimir Putin rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali fir-Russja b’maġġoranza u b’hekk se jibqa’ fil-poter għas-sitt snin li ġejjin. Dan se jkun il-ħames terminu tiegħu fil-Presidenza.
Rapporti qalu kif ir-rebħa kienet waħda ċerta għalih, hekk kif kien hemm biss tliet kandidati li kkontestaw din l-elezzjoni, u li kienu approvati minn Putin innifsu, waqt li ngħad li l-ebda kandidat b’saħħtu mill-Oppożizzjoni ma tħalla jitfa’ n-nomina tiegħu.
Bosta kritiċi politiċi qalu kif f’dawn il-jiem deher ċar kemm Putin allegatament ried jeħles minn kull min jopponih, hekk kif fil-ġimgħat li għaddew wieħed mill-akbar kandidati kontrih, Alexei Navalny, spiċċa miet il-ħabs li kien fih.
Ir-riżultati uffiċjali, li ħarġu fis-sigħat li għaddew, urew li Putin ġabar 87% tal-voti. Fl-ewwel kummenti tiegħu, hu qal li d-demokrazija fir-Russja hi aktar trasparenti minn ħafna pajjiżi fil-Punent.
Numru ta’ persuni ma beżgħux mill-ġustizzja u l-oppressjoni tal-Gvern Russu u xorta ħarġu jipprotestaw waqt il-votazzjoni. Fil-fatt kien hemm min tefa’ l-inka sewda fil-kaxxi tal-voti. Ħaġa li qatt ma kienet se tagħmel l-ebda impatt fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet. 80 Russu ġie arrestat b’rabta ma’ dan.
Numru ta’ pajjiżi Ewropej, bħall-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Ukrajna, ħarġu mill-ewwel jikkundannaw din l-elezzjoni u jgħidu kif ma kinitx bilanċjata jew ħielsa mill-id politika tal-istess Putin.
Il-votazzjoni fir-Russja kienet mifruxa fuq tlett ijiem, fejn dawk l-Ukreni li jgħixu f’territorju li ttieħed mill-Ukrajna fil-gwerra li għadha għaddejja, kellhom ukoll iċ-ċans li jivvutaw.