L-imsieħba fil-mezzi tax-xandir kellhom iċ-ċans jiddiskutu modi kif ix-xandir f’Malta jkun aktar inklussiv, li jolqot il-bżonnijiet ta’ kulħadd. Dan grazzi għal diskussjoni bit-tema Lejn Xandir Iktar Inklussiv, li ġiet organizzata fil-Jum Internazzjonali tas-Smigħ. Preżenti kien hemm il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, u l-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru Abela stqarr li l-Gvern hu impenjat biex mhux biss jara li x-xandir ikun aċċessibbli għal kulħadd iżda aktar persuni b’diżabilità, inkluż dawk neqsin mis-smigħ, jagħżlu karriera fix-xandir. Fakkar kif fl-2016 il-Parlament kien approva abbozz ta’ liġi biex jirrikonixxi l-lingwa tas-sinjali bħala lingwa uffiċjali tal-pajjiż, u semma wkoll l-importanza tas-sottotitoli.
Huwa stqarr: “Huwa importanti li noħolqu aktar għarfien dwar li għandna anke l-lingwa tas-sinjali f’pajjiżna, bil-Malti li hija wkoll ilsien uffiċjali f’pajjiżna u li nkunu aktar attent għall-bżonnijiet ta’ kull persuna. L-iskop tagħna llum kien li nisimgħu mingħand stakeholders differenti, x’hemm bżonn isir biex intejbu dan is-servizz. Ħalli b’hekk nkomplu npoġġu l-issue tal-ugwaljanza u l-inklussività fuq quddiem nett tal-aġenda inkluż fix-xandir pubbliku.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li huwa importanti li l-Gvern permezz ta’ laqgħat mal-msieħba kkonċernati jsib soluzzjonijiet tanġibbli għad-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-persuni nieqsa mis-smigħ u anke x-xandara.
Hija qalet, “Nemmnu li kwalità ta’ ħajja aħjar titkejjel mill-fatt ta’ kemm persuna b’diżabilità tkun inkluża fil-mod wiesgħa tagħha fis-soċjetà, inkluż fix-xandir. Mis-seminar tal-lum ħarġu numru ta’ punti ta’ kif pereżempju persuni li huma neqsin mis-smigħ jista’ jkollhom xandir iktar inklussiv.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Joanna Spiteri u l-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan ukoll indirizzaw din il-konferenza.