Hija din il-mistoqsija li qed issir fuq il-ġurnali Ingliżi wara l-mewt ta’ Esther Eketi-Mulo u binha, li kienu jgħixu fil-Lvant ta’ Londra. Waqt il-funeral tagħhom, kienu bosta dawk li attendew u li xeħtu fjuri mat-twiebet; wieħed kbir u l-ieħor iżgħar…xena ta’ qsim il-qalb. Il-kap tal-iskola taċ-ċkejken Chadrack poġiet fjuri fuq it-tebut tiegħu hu u nieżel darba għal dejjem taħt l-art, ħdejn ommu.
Chadrack miet bil-ġuħ.
Mewta tal-waħx għal tifel ta’ erba’ snin, li nstab mejjet fl-appartament ta’ ommu f’Novembru li għadda. Ommu Esther kellha attakk tal-epilessija. Chadrack, li għandu forma ta’ awtiżmu, ma jitkellimx u ma jagħmel ebda forma ta’ ħoss, għalhekk ma setax jibki jew iqajjem l-allarm. Għamel xejn inqas minn ġimgħatjen fl-appartament, sakemm miet bil-ġuħ.
Il-mistoqsija li tqajjmet fuq il-ġurnali dalgħodu hija: kif jista’ jkun tifel miet bil-ġuħ fl-Ingilterra fl-2017, mingħajr ħadd ma ntebaħ? Kif jista’ jkun tifel fl-ispettru tal-awtiżmu tħalla ma jattendix skola għal ġimgħatejn sħaħ mingħajr ħadd ma staqsa fejn kien? Minħabba l-kundizzjoni tal-omm, Chadrack kienu ilu ma jattendi skola minn Settembru.
Membri mill-iskola tiegħu marru jaraw għaliex, iżda meta ma kellhomx risposta mill-intercom tal-blokka appartamenti, qatgħu qalbhom u ma reġgħux provaw. Issa fl-Ingilterra għaddej sforz biex l-iskejjel iqajjmu l-allarm b’mod aktar effettiv, biez jiżguraw li studenti li ma jattendux ma jkunux għaddejjin minn stejjer moderni tal-waħx.