Id-Deputata Bernice Bonello, li fl-aħħar jiem irrappreżentat lill-Partit Nazzjonalista f’diskussjoni fil-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali fejn għamlet il-pożizzjoni ċara kontra l-abort, fit-teżi tagħha ta’ ħames snin ilu kienet argumentat kompletament bil-maqlub.
Fil-fatt fit-teżi ppreżentat f’Mejju tal-2020, bħala parti mill-istudji għall-Baċċellerat fl-Istudji Ewropej, intitolat ‘The European Union and Women’s Rights in Malta’, Bonello kitbet li, bir-riċerka kollha li għamlet, “hu diffiċli tasal għall-konklużjoni x’se jiġri f’Malta dwar l-abort, iżda f’mument partikolari ċ-ċittadini Maltin jiftħu moħħhom għal din l-idea”.
Hi wkoll tikkwota minn studju, li kien sar fl-2011, li “f’dan ix-xenarju, anke jekk l-abort hu kwistjoni iżjed kontroversjali mid-divorzju, persuni li qed jimbottaw favur għandhom jippersistu bit-tama li xi darba l-liġi tal-abort tinbidel”.
Dan jikkuntrasta sew mal-pożizzjoni li esprimiet fil-programm ‘XTRA’.
“Aħna favur il-ħajja u dejjem kontra l-abort”.
Bernice Bonello, Deputat tal-PN
Tul l-intervent tagħha fuq l-istazzjon nazzjonali, Bonello ovvjament ma semmietx ir-riċerka akkademika tagħha, fejn indikat l-opinjoni tagħha favur iżjed drittijiet għan-nisa, anke għax għadna l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li l-abort għadu kompletament illegali.
Fit-teżi ta’ ’l fuq minn 60 paġna, id-deputata tal-Oppożizzjoni ttenni r-riskji li jiġi diskuss is-suġġett.
Minkejja dan, il-Partit Laburista kien minn tal-ewwel li esprima li għandu jkun hemm dibattitu matur fuq is-suġġett, waqt li l-Oppożizzjoni, bħall-Knisja, li topponi kif argumentat Bonello fuq it-televiżjoni fl-aħħar jiem.
Dan meta, fil-konklużjoni tat-teżi tagħha, tisħaq li l-aċċess għall-abort barra minn Malta jibqa’ hemm u l-Maltin xorta qed jirrikorru għalih, irrelevanti jekk hux illegali f’pajjiżna.
Dan waqt li l-istudju tagħha kien iffokat fuq il-kwistjoni tal-abort u kif din tirrelata mad-drittijiet tan-nisa.