Il-Ġimgħa għad-Diplomazija dwar il-Klima bdiet b’ inawgurazzjoni ta’ esebizzjoni ta’ ritratti, mill-Ministru Owen Bonnici, fil-preżenza tal-kapijiet parteċipanti tar-rappreżentanti diplomatiċi.
L-esebizzjoni tiffoka fuq l-impatt tal-klima fuq il-wirt kulturali u turi serje ta’ ritratti li juru l-impatt tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi. Ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, bl-għajnuna ta’ Hertiage Malta, se tkun qed turi rtiratti li juru l-impatt tal-klima fuq it-Tempji tal-Imnajdra.
ONE News tkellem ma’ Terez Zahra, Aġent Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, li saħqet l-importanza u l-impenn politiku ta’ ħafna pajjiżi li qed jieħdu sehem f’ din l-attività, biex ikomplu jiġġieldu t-tibdil fil-klima. Fost il-bosta attivitajiet li saru kien hemm ukoll diskussjonijiet biex fil-futur dawn il-pajjiżi jimxu id f’ id biex jegħlbu u jirbħu lil din il-kwistjoni.
Zahra spjegat li “Din l-exhibition li hawn hawnekk bħalissa madwarna turi l-impatt fuq monumenti ta’ valur storiku u kulturali. Wara din l-esibizzjoni hemm diskuzzjoni ma’ panel esperti u attivisti f’ dan is-settur.”
L-esebizzjoni tagħmel parti mill-attivitajiet organizzati mir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien ma’ rappreżentanti diplomatiċi minn Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, Spanja, u r-Renju Unit l-Bord ta’ Azzjoni dwar il-Klima.
Zahra temmet tgħid li din “Hija it-tieni darba li qed issir f’ Malta. Din id-darba għamilnieha fuq livell ftit akbar, fuq livell li nipprovaw nilħqu aktar nies. L-ewwel darba ħdimna ma’ tfal tal-iskejjel. Hija importnti għaliex tqajjem aktar awarness fost il-Maltin.”
Il-Ministru Bonnici stqarr li wirtna u l-istorja tagħna għandhom parti importanti fit-tiswir tal-identità tagħna, u dan jidher ċar mill-ħafna monumenti u siti storiċi li nsibu fi gżiritna.