L-iSpatialTrain Scholarship Scheme hija skema li għandha l-għan li tkompli tħarreġ u ssaħħaħ lis-settur pubbliku fil-qasam tad-dejta ġeografika: dik id-dejta li direttament jew indirettament hija marbuta ma’ erja jew post ġeografiku speċifiċi.
Il-proġett qed joffri boroż ta’ studju għal persuni impjegati fis-settur pubbliku.
Apparti li t-teknoloġija diġitali qiegħda kull ma jmur tevolvi, l-entitajiet pubbliċi se jużaw dan it-taħriġ biex jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin.
It-taħriġ u r-riċerka li tiġi ppubblikata se jservu bħala referenza u ispirazzjoni għal aktar ħidma.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif qed tinġabar dejta li qed tkun proċessata b’mod diġitali sabiex ikun megħjun aktar l-ippjanar.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li din l-inizjattiva se twassal għal settur pubbliku aktar b’saħħtu.
Dr Elaine Sciberras, li mexxiet dan il-proġett, enfasizzat kif dan ippermetta lil bosta impjegati ta’ entitajiet governattivi biex jiksbu ħiliet speċjalizzati.
Sciberras spjegat, “Huwa proġett ta’ taħriġ għall-entitajiet tal-Gvern, li sar mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex nagħtu korsijiet fuq l-informatika ġeomatika, bażikament, geomatics, u dawn huma courses speċjalizzati għal kull entità biex wieħed jitħarreġ fuq l-użu tal-mapep, id-databases, u t-tip ta’ analiżi li tista’ ssir.”
Dan il-proġett, organizzat mill-Awtorità tal-Ippjanar, huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.