Is-sitwazzjoni tan-nirien fil-Greċja qed tkompli teskala, hekk kif eluf ta’ familji qed jiġu evakwati minn djarhom minħabba n-nirien qawwija fil-pajjiż.
Dwar din il-firxa ta’ nirien f’pajjiż bħal Greċja, tkellimna mal-Uffiċjal tas-Salvataġġ tal-Protezzjoni Ċivili, Kevin Pace.
Huwa qal ma’ ONE News li meta jkollok firxa ta’ medda ta’ art kbira jwassal biex ikun hemm spazju kbir li jtellgħu t-temperaturi.
“Li imbagħad inti tant jilħaq temperaturi kbar, tant in-nar jiskala li ma jibqax iktar kontrollabbli, li jibda jintilef minn idejn il-pumpiera u inti jkun hemm il-ħtieġa li trid tevakwa biex issalva lin-nies.”
F’każ bħal dan jiskatta l-mekkaniżmu ta’ għajnuna tal-Unjoni Ewropea, fejn membri tal-Protezzjoni Ċivili minn madwar pajjiżi Ewropej joffru l-assistenza.
“Il-membri stati tal-Unjoni Ewropea jirrispondu billi jaraw x’tip ta’ għajnuna l-pajjiż ikun qiegħed jitlob. Filfatt fl-2018, Malta kien hemm xi ħaġa simili għax il-Griegi kważi, ħa ngħid hekk, jintlaqtu minnha kull sena din il-biċċa xogħol u konna anke ħa ntellgħu kontinġent anke minn Malta biex nassistu lill-Griegi.”
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili qal magħna kif fix-xhur tas-sajf tiżdied it-talba għall-għajnuna, kawża tan-nirien iżda din is-sena minkejja l-mewġa ta’ sħana, l-għajta għall-għajnuna kienet l-istess daqs snin oħra.
Bl-iktar sejħiet għall-għajnuna jkunu n-nirien ta’ skart u ta’ ħaxix, li ħafna drabi jkunu assoċjati flimkien.
Qal kif ħafna drabi n-nirien f’art issir b’negligenza, li mhux bilfors issir bi skop imma tista’ ssir b’mod aċċidentali.
“Dak li jkun ikun rema’ xi ħaġa, għandek sħana jiġifieri beda joħloq is-sħana. Ovvjament, biex ikollok in-nar aħna nafu li jrid ikollok dawk it-tliet elementi. Irid ikollok is-sħana li hija l-heat, il-fuel li huwa l-ħaxix f’dan il-każ u anke l-ossignu li huwa l-arja ta’ madwarna, dak in-nifs li qegħdin nieħdu l-ħin kollu. Kif jikkombinaw dawk it-tliet elementi f’daqqa, hemmhekk jibdilhk in-nar.”
L-uffiċjal qalilna kif sors bħar-riħ jagħmilha diffiċli għall-pumpiera hekk kif dan imexxi n-nirien anke għal kilometri sħaħ.