Bla dubju il-film Bohemian Rhapsody qed jiġbed l-eluf lejn is-swali taċ-ċinema li jridu jerġgħu jgħixu mumenti glorjużi tat-tmeninijiet fl-ewwel film dwar il-ħajja tal-kantant Freddie Mercury.
Lil hinn minn dan kollu, għajnejn Hollywood intefgħu fuq Rami Malek, l-attur li skont il-kritiċi kien l-aqwa għażla biex jinterpreta l-kantant leġġendarju.
“Il-film jgħidlek storja ta’ bniedem, storja ta’ legat eċċezzjonali li ħalla warajh. Kien unur li nilbes iż-żarbun ta’ Mercury għal dawk il-ftit xhur tal-ġbid tal-film. Għamilt minn kollox, lezzjonijiet tal-kant, tal-pjanu, rajt kull ħaġa li stajt nara fuqu”, stqarr l-attur f ‘intervista riċenti dwar il-film.
Spjega kif l-aktar ħaġa li laqtitu, lil hinn mill-leġġenda mużikali li kien Freddie Mercury, kienet il-qalb tajba li dejjem rat li tkun ġenwina ma’ ta madwaru.
L-attur ammetta li l-akbar unur kien li hu intagħżel biex ikun Freddie Mercury bil-barka ta’ Brian May fost oħrajn.
“L-ewwel xena li nġibdet fil-film kienet ix-xena tal-kunċert ta’ Live Aid tal-1985. Waħda mill-aħħar xeni tal-film. L-ewwel memorja li għandi ta’ dan il-film huwa l-mument fejn jien u sħabi ħriġna fuq dak il-palk bħala l-membri ta’ Queen”, temm jgħid l-attur.