Minkejja li t-tokki ta’ nofsillejl tal-lejl li għadda jimmarkaw bidu ta’ sena ġdida u jieħdu ftit tal-minuti sabiex ikunu ċċelebrati, biex id-dinja kollha tagħmel dan jgħaddu ‘l fuq minn għoxrin siegħa.
Id-differenza fiż-żoni tal-ħin, tfisser li New Zealand ikun wieħed mill-ewwel pajjiżi li jilqa’ s-sena l-ġdida.
Hawnhekk ittella’ lspettaklu ddominat minn wirja piroteknika biswit l-iSky Tower, fiċ-ċentru ta’ Aukland.
Sagħtejn wara New Zealand, f’Sydney magħruf għall-ispettaklu li jwassal fil-bidu tas-sena l-ġdida, ittella’ spettaklu madwar s-Sydney Opera House li beda mat-tliet sigħat qabel it-tokki ta’ nofsillejl.
Tliet sigħat wara, Hong Kong kien qiegħed jilqa’ s-sena ġdida bi spettaklu pirotekniku mill-isbaħ minn Victoria Harbour.
Fost il-postijiet fejn l-ewwel tas-sena ma kienx iċċelebrat b’mod kif mistenni kien hemm l-Ukrajna li fiha l-ewwel minuti tas-sena l-ġdida kienu kkaraterizzati minn attakki Russi u Ruma b’mod speċjali l-Vatikan, fejn il-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, irriduċew ferm dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Flimkien ma’ pajjiżna l-maġġoranza tal-Ewropa u partijiet sostanzjali tal-kontinent Afrikan ukoll laqgħu s-sena l-ġdida.
Spettakli pirotekniċi baqgħu jiddominaw mill-Greċja sa Dubai.
Pariġi fi Franza offra spettaklu madwar Arc De Triomphe b’diversi projezzjonijiet.
Kif f’pajjiżna daqqew is-siegħa ta’ filgħodu kien imiss lil Londra tilqa’ s-sena l-ġdida.
Il-Big Ben, sinonimu ma’ dawn il-festi kien fl-isfond ta’ mijiet ta’ murtali li nħarqu matul il-lejl. L-istess seta’ jingħad għaċ-ċelebrazzjonijiet madwar il-Kastell ta’ Edinburgh.
Spettaklu bid-drones fuq Londra sellem il-memorja tar-Reġina Eliżabetta II li mietet matul is-sena li għaddiet, filwaqt li sellmu lir-Re Karlu III.
Ħames sigħat wara fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, l-Istati Uniti wkoll laqgħu s-sena l-ġdida.
Bħal kull sena ddominaw iċ-ċelebrazzjonijiet f’Times Square ġewwa New York, l-Istati Uniti.
Fost iċ-ċelebrazzjonijiet fl-Amerka Latina kien hemm spettaklu li ra l-attendenza ta’ għexieren t’eluf f’Rio De Jianero, l-Brażil.