Minkejja li t-tokki ta’ nofsillejl f’Malta u pajjiżi qrib tagħna jimmarkaw bidu ta’ sena ġdida, għadd ta’ pajjiżi fuq ix-xaqliba l-oħra tad-dinja, kienu diġà ċċelebraw jew kienu għadhom qed jistennew biex jagħtu merħba lis-sena 2025.
Fil-fatt biex id-dinja kollha tagħmel dan, jgħaddu ‘l fuq minn għoxrin siegħa.
Kiribati, fl-Oċean Paċifiku, kien l-ewwel stat li uffiċjalment beda l-2025.
It-33 gżira li jiffurmaw dan il-pajjiż, iċċelebraw il-bidu tas-sena għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu ħin ta’ Malta.
Id-differenza fiż-żoni tal-ħin, tfisser li imbagħad kien imiss lil New Zealand biex jilqa’ s-sena l-ġdida.
Hawnhekk ittella’ lspettaklu ddominat minn wirja piroteknika biswit l-iSky Tower, fiċ-ċentru ta’ Aukland.
Sagħtejn wara, f’Sydney magħruf għall-ispettaklu li jwassal fil-bidu tas-sena l-ġdida, ittella’ spettaklu madwar Sydney’s Harbour Bridge.
Tliet sigħat wara, Hong Kong kien qiegħed jilqa’ s-sena ġdida bi spettaklu pirotekniku mill-isbaħ minn Victoria Harbour.
Fost il-postijiet fejn l-ewwel tas-sena ma kienx iċċelebrat b’mod kif mistenni kien hemm il-Korea t’Isfel hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet ġew imħassra wara t-traġedja tat-tiġrif tal-ajruplan il-Ħadd 29 ta’ Diċembru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Muan.
Il-pajjiż daħal f’perjodu ta’ luttu għal sebat ijiem wara li tilfu ħajjithom 179 persuna. Fil-fatt il-gvern tenna li l-ispettaklu annwali tiegħu ta’ daqq tal-qniepen se jkun wieħed kwiet u b’mument ta’ silenzju.
Sadanittant, għall-ewwel darba f’aktar minn nofs seklu, is-Sirjani daħlu għal sena ġdida jiċċelebraw mingħajr il-kontroll tal-eks President Bashar al-Assad.
Ma jistax jonqos l-ispettaklu mill-isbaħ f’Dubaj, fejn ħejjew iktar minn 15,600 element pirotekniku kbir għall-wirja tal-logħob tan-nar fl-itwal binja tad-dinja – il-Burj Khalifa.
Diversi mexxejja minn madwar id-dinja fosthom il-President Russu Vladimir Putin u l-President Ukren Volodymyr Zelensky taw ħarsa lejn is-sena 2024. Il-President Russu sostna li huma kunfidenti li fl-2025 se jimxu ‘l quddiem. Huwa ta ġieħ ukoll lis-suldati li qed jiġġieldu fl-Ukrajna.
Fl-Ukrajna, il-President Volodymyr Zelensky tenna li pajjiżu qatt ma jbaxxi rasu u jħarsu ‘il quddiem għal rebħa.
Sadanittant, fid-diskors tal-ewwel sena tiegħu bħala Prim Ministru tar-Renju Unit, Sir Keir Starmer qal li l-2024 kienet sena ta’ bidla. Kif f’pajjiżna daqqew is-siegħa ta’ filgħodu kien imiss lil Londra fir-Renju Unit tilqa’ s-sena l-ġdida.
Minkejja l-maltemp, għall-ħamsa u għoxrin sena anniversarju minn meta nbdew dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bin-nar tal-ajru fil-kapitali Ingliża, inxtraw mal-mitt elf biljett għaċ-ċelebrazzjonijiet minn ħdejn ix-xmara Thames u d-daqq tal-arloġġ tal-Big Ben mat-tokki ta’ nofsilejl.
Ħames sigħat wara fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet fl-Amerika t’Isfel u ta’ Fuq, fosthom f’Rio de Janeiro u l-Istati Uniti, dominanti ċ-ċelebrazzjonijiet f’Times Square f’New York, b’eluf immorru jistennew minn sigħat qabel biex isibu post fuq quddiem.