Il-Ħadd li għadda Simon Busuttil qalilna li jridu jieħu l-pajjiż lura għan-normalità. Dikjarazzjoni ċara li forsi wieħed iħalli tgħaddi mingħajr ma jaħseb wisq fuqha. Iżda, jkun ħażin jekk isir dan.
Għaliex ta’ min jifhem x’inhi n-normalità għal Simon Busuttil. Bid-dikjarazzjonijiet tiegħu huwa ċar iktar minn qatt qabel li għal Simon Busuttil in-normalità huwa dak li kellna qabel Marzu 2013. Tant hu hekk li tfitxija ta’ malajr fuq YouTube twassal biex insibu biżibilju ta’ dikjarazzjonijiet ta’ Simon Busuttil dwar għaliex pajjiżna ma kellux jibdel id-direzzjoni. F’kelma waħda Simon Busuttil riedna nibqgħu b’GONZI PN li hu kien parti integrali minnu. Ladarba għandna dan il-kejl nistgħu nqabblu n-normalità ta’ Simon Busuttil u l-pajjiż illum. Naraw ftit x’inhuma d-differenzi. Uħud mill-ewlenin għax jekk naqbdu niktbu ninmew gazzetti sħaħ.
FINANZI
Għal Simon Busuttil in-normalità li jrid joħodna lura għaliha kienet pajjiż fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv għax jaqbeż it-3% tal-Prodott Domestiku Gross u dejn pubbliku li jaqbeż is-70% tal-istess PDG. Illum fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv m’għadniex u l-proporzjon ta’ dejn pubbliku niżel għal 60%. Forsi ma kinetx xi ħaġa normali għal pajjiżna. Iżda, nippreferi ċ-ċirkostanza straordinarja tal-lum fejn sejrin għal baġit bilanċjat milli n-normalità ta’ Simon Busuttil.
XOGĦOL
Bejn 7,000 u 8,000 persun jirreġistraw għax-xogħol. Dik kienet in-normalità ta’ Simon Busuttil. Illum għandna ċirkostanza fejn dawk jirreġistraw għax-xogħol niżlu taħt it-3,000. Naqblu mal-Kap tal-Oppożizzjoni li hi ċirkostanza straordinarja għax ġrat għall-ewwel darba fl-istorja. Iżda, ma tippreferux lilha?
IL-ĦAŻIN
Kemm diskors fuq korruzzjoni. Imma n-normalità fi żmien Simon Busuttil u l-gvern li kien jagħmel parti minnhu hu kienet dik li ma jittieħdu ebda passi fejn ikun hemm xamma ta’ ħażin. Ma rriżenja ħadd lanqas wara l-iskandlu taż-żejt u l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni kieku qatt sabet traċċa ta’ xi ħaġa ħażina. Ovvjament għax żammewha inattiva.
Taħt din l-amministrazzjoni rajna affarijiet straordinarji għall-pajjiżna. Fosthom riżenji u tneħħija ta’ membri tal-Kabinett għax refgħu r-responsabbiltà politika anke jekk prova ta’ korruzzjoni fil-konfront tagħhom ħadd ma ġab. Saħansitra kellna riżenja ta’ deputat mexxej. Qed naraw Kummissjoni Kontra l-Koruzzjoni taħdem għax lestiet madwar seba’ rapporti. Mhux normali għal Simon Busuttil li fi żmien il-gvern tiegħu kollox kien jibqa’ għaddej. Iżda, nippreferi hekk għax dan jibgħat messaġġ li l-gvern ma jaċċettax kollox. Tant li daħħal liġijiet li kienu ilhom jistennew bħal Whistle blower act.
FL-EWROPA
Għal Simon Busuttil in-normalità hija li nduru fil-kurituri tal-istituzzjonijiet Ewropej biex bil-kliem nuru kemm aħna ewropejisti fl-istess ħin li naċċettaw dak kollu li jkun ġej għalina.
Attitudni differenti adotta Joseph Muscat. Fl-Unjoni Ewropea jmur jitkellem b’awtorità u hekk kiseb ir-rispett tal-mexxejja kollha madwar il-mejda li saħansitra ħafna minnhom jikkunsidrawh kandidat tajjeb għall-President tal-Kunsill Ewropew. Ġibna Malta żewġ avvenimenti enormi, il-Valletta Summi u l-Malta Summit u lill-pajjiżna poġġejnih fiċ-ċentru tad-dinja dwar temi tal-ikbar importanza bħal immigrazzjoni. Hawn ukoll nippreferi l-attitudni li tbiddel ta’ Joseph Muscat milli n-normalità ta’ Simon Busuttil.
FLUS FIL-BUT
€500 fil-ġimgħa fil-bwiet tal-membri tal-Kabinett Nazzjonalista u bil-moħbi. Dik kienet in-normalità fi żmien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Tela l-gvern ta’ Joseph Muscat u din iż-żieda kif wiegħed elimina darba għal dejjem. Minflok il-flus fil-bwiet li żdiedu kienu dawk fi bwiet il-familji u l-pensjonanti. Dan bir-roħs tad-dawl u l-ilma, bl-ewwel żieda fil-pensjonijiet f’25 sena u bl-inwork benefit fost oħrajn. Mhux affarijiet normali għax qatt ma saru qabel, imma nippreferi hekk mill-attitudni normali tal-gvernijiet ta’ Simon Busuttil fejn il-flus kienu hemm għall-ftit u mhux għal ħafna.
Mela meta nisimgħu lil simon Busuttil jgħidilna li għandna l-għażla li mmorru lura għan-normalità għandna nieqfu ftit u naraw din in-normalità xi tfisser. Naħsbu jekk tgħoġobniex jew le. Jekk in-normalità tiegħu u ta’ GonziPN tgħoġbok għażel lilu u jerġa’ jkollok lil Tonio Fenech, George Pullicino u Jason Azzopardi ministri. Jien ma tgħoġobniex. Nibqa’ ngħażel it-tmexxija preżenti għax għall-pajjiżi kisbiet straordinarji rrid.