Malta niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira b’sagrifiċċji, sawm u purċissjonijiet iżda d-dinja għandha diversi modi kif ifakkru l-mewt ta’ Ġesu Kristu fuq is-salib fosthom bi swat, bajd u prestazzjonijiet.
Id-dsatax t’April din is-sena bosta madwar id-dinja fakkru l-ġurnata meta Ġesu Kristu ġie mżeblah wara li Pilatu kkundannah għall-mewt.
Din il-festa timmanifesta ruħha f’diversi tradizzjonijiet – kull pajjiż u kultura’ bil-mod tiegħu.
Fil-Filippini bosta nies isawtu lilhom infushom sakemm iċarċar id-demm. Uħud iġorru slaleb tqal tal-injam biex imbagħad jissalbu.
Dan għalihom huwa ġest ta’ penitenza u diversi jsostnu li wara dan l-att iħossuhom nodfa mid-dnubiet.
Fil-Ġamajka f’dan iż-żmien tas-sena jaqbdu l-bajd, jisseparaw l-isfar tal-bajda mill-abjad u qabel titla’ x-xemx jitfgħu l-abjad ġo tazza ilma. Disinn jibda jifforma li n-nies tal-lokal jemmnu li jiżvela kif se tmut.
F’Ġerusalem ikun hemm atmosfera spiritwali fejn in-nies iġorru salib u jimxu l-passi li mexa Ġesu sakemm jaslu fuq il-Golgota. Wara jkun hemm funeral fil-forma ta’ purċissjoni fejn jitfakkar id-dfin ta’ Ġesu.