Għafsa ta’ qalb li dak li tkun armajt għaż-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa trid terġa’ żżarmah. Dan kien kliem is-sagristan tal-Kollegjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar, Godwin Gauci.
Is-sagristan Naxxari qal li meta kważi ntrama’ d-damask iswed mal-Kollegjata, ittieħdet id-deċiżjoni li jiżżarma u jintrefa’ f’postu.
Gauci stqarr, “Dis-sena sfortunatament kif bdejna narmawh u fl-aħħar ta’ meta kwazi lestejna d-damask, bdejna li għalaqna l-knisja u f’moħħna bdejna ngħidu nħalluh id-damask, ma nħallhux. Kif ħarġet id-direttiva li l-knisja li ħamis ix-xirka u l-ġimgħa l-kbira se tkun magħluqa, sfortunament kellna nżarmawh, għafsa ta’ qalb tibda taqla’ d-damask fi żmien il-ġimgħa l-kbira, fil-ġimgħa tad-duluri titwi d-damask u terfgħu f’postu.”
B’dieqa, is-sagristan qal li f’Ħamis ix-Xirka, is-soltu l-Knisja tkun mballata bin-nies għas-seba’ viżti.
Huwa qal li l-unika post fejn intrama huwa l-artal fejn qed issir il-quddies b’mod virtwali.
Saħaq, “Dik li inti tidħol fil-knisja u tidħol waħdek tiftaħ u ssib il-knisja vojta, illum il-ġimgħa l-kbira u ssibha vojta, tħoss għafsa ta’ qalb.”
F’dan iż-żmien, in-Naxxarin jarmaw il-kandilabru li fih ħmistax-il xemgħa kannella li s-soltu jitpoġġa fuq l-artal, iżda din is-sena ma ntramax. It-tradizzjoni hija li x-xemgħat ta’ dan il-kandilabru msejjaħ Barabbas jintfew waħda waħda u imbagħad l-aħħar xemgħa tibqa’ mixgħula sabiex f’Sibt il-Għid tixgħel il-blandun.
Intant ġimagħtejn fuq l-Għid, in-Naxxarin kienu se jiċċelebraw is-sena min mindu l-parroċċa saret Kolleġġjata. Dawn il-festi ġew posposti għal aktar tard.
“Aħna għas-sena d-dieħla jiġifieri looking forward, nibqgħu nippreparaw u nlestu l-affarijiet. J’alla jiġi ż-żmien fejn narmaw il-knisja kif kienet qabel.” Ikkonkluda jgħid is-sagristan Naxxari