Kmieni dalgħodu nstemgħu tliet splużjonijiet fiċ-ċentru tal-belt kapitali Ukrena, Kiev. L-isplużjonijiet instemgħu ftit tal-ħin wara li ndaqqu s-sireni li jallarmaw dwar xi attakki mill-ajru. Filwaqt li mhux eskluż attakk ieħor matul il-jum.
Is-sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, qal li s-servizzi ta’ emerġenza bħalissa jinsabu fid-distrett tal-kapitali u ħeġġeġ lir-residenti sabiex isibu refuġju fix-xelters sakemm tikkalma s-sitwazzjoni.
Is-sindku żied jgħid li d-difiża tal-ajru rnexxielha tinterċetta għaxar drones Iranjani.
L-amministrazzjoni militari ta’ Kiev qalet li biċċiet mid-drones li twaqqgħu, laqtu żewġ binjiet amministrattivi fiċ-ċentru tal-kapitali, iżda s’issa għad ma hemmx informazzjoni dwar jekk kienx hemm xi fatalitajiet.
L-Ukrajna kienet akkużat lill-Iran li qed tissuplixxi lir-Russja bi drones.