Kompliet il-kumpilazzjoni kontra erba’ żgħażagħ Belġjani, li l-età tagħhom tvarja bejn sbatax u għoxrin sena, li qed jiġu akkużati li stupraw tfajla ta’ sbatax-il sena f’pajjiżna.
Il-Pulizija qed jgħidu li t-tfajla, eks tfajla ta’ wieħed mill-akkużati, ingħatat ħafna alkoħol imbagħad ġiet stuprata mill-eks għarus tagħha, sakemm l-oħrajn ġibdu filmat ta’ dak li kien qed jiġri.
Żagħżugħ ta’ sittax-il sena li kien mat-tfajla, allegatament ġie msawwat u umiljat mill-akkużati.
L-Ispettur Jonathan Cassar xehed li rċieva telefonata mill-għassa ta’ San Ġiljan biex ikun mgħarraf li żewġ minuri rrappurtaw li ġew avviċinati minn ħamest irġiel, tpoġġew f’karozza, u ttieħdu f’appartament fejn ir-raġel ġie msawwat u t-tfajla stuprata.
L-ispettur qal li seta’ jinnota ġrieħi fuq wiċċ il-vittma raġel, u feriti fuq dahar u l-ġisem tat-tfajla.
Huwa qal li l-allegati vittmi ġew mitkellma mill-Pulizija l-għada, fejn qalu li ġew avviċinati minn grupp ta’ ħamest irġiel mill-Belġju, li wieħed minnhom kien l-eks għarus tat-tfajla.
L-ispettur xehed li ġew sfurzati jidħlu f’karozza u ttieħdu f’appartament f’Tas-Sliema fejn kienu suġġetti għal sigħat ta’ abbuż.
Inizzjalment, il-mandat t’arrest inħareġ għall-eks għarus tat-tfajla iżda meta l-Pulizija marru fl-appartament u ma sabux lill-allegati aggressuri l-oħra, infurmaw lill-uffiċjali tal-kontroll fl-ajruport biex ir-raġel jitwaqqaf jekk jipprova jitlaq mill-pajjiż.
Aktar tard, ir-raġel ġie arrestat flimkien mal-irġiel l-oħra, li aktar tard ġew ikkonfermati li kienu l-aggressuri, u tfajla li huwa mifhum li hija t-tfajla tal-eks sieħeb tal-vittma.
L-ispettur qal li ra l-istupru fuq il-filmat.
Is-smigħ tal-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla.