Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet pulizija Rica Mifsud Grech, Jurgen Falzon u Luca Brincat, li huma akkużati bi vjolenza eċċessiva u bi-ħtif ta’ persuni barranin, fost affarijiet oħra.
Fis-seduta tal-lum ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, telgħet fuq il-pedana tax-xhieda infermiera mill-Isptar Monte Karmeli li qalet kif wieħed mill-allegati vittmi kien jabbuża mid-droga u li ġieli hedded lill-ħaddiema tas-saħħa fl-isptar.
Xehdu wkoll numri ta’ uffiċjali tal-Pulizija li spjegaw il-mument li ġew arrestati l-kuntisabbli li bħalissa jinsabu sospiżi mill-korp.
L-uffiċjal Daniel Schembri mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri xehed kif arresta lill-Luca Brincat u kif fi tfixxija li saret f’daru u fil-kamra tas-sodda sabulu mus.
Is-Surġent Alex Gauci, li huwa ta’ fuq l-akkużati staqsa jekk hux se jittieħdu passi kriminali u dixxiplinarji kontrih. Il-Prosekuzzjoni qalet li mhux f’pożizzjoni li tgħid u għalhekk is-Surġent qal li ma jridx jixhed. Il-Maġistrat insisita li dan jixhed.
Is-Surġent qal li kien hemm pulizija li tkellmet miegħu u qaltlu li kienet marret mat-tliet akkużati waqt ronda, fejn hawn ġabru raġel ta’ karnaġġjon skur u li huma tawh daqqiet f’sidru u fil-kustilji fejn dan intilef minn sensih. Ir-raġel tħalla fuq il-post.
Is-Surġent Gauci qal li pulizija ieħor qallu kif aktar minn darba kienu jaraw nies reqdin barra u li l-akkużati kienu jixxokkjawhom bit-taser u jagħtuhom daqqiet f’wiċċhom. Żied jispjega li qallu kif darba f’Ħal Qormi saqtu Afrikan u waddbulu ġebla.